Saturday, October 26, 2024

“Kemm kemm nitqarbnu allura ma naħsibx li tista’ tgħix minn din is-sengħa llum”

John Giordmaina - Artiġjan tal-fuħħar fir-Rabat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Din l-arti minn dejjem kienet ġo fija. Niftakar kienet ħarġet l-opportunità fis-sebgħinijiet u bdiet il-karriera tal-artiġjanat u Craftsvillage Ta’ Qali ffurmawh bħala snajja’ Maltin. L-ewwel fabbrika kienet taċ-ċaqquf, kien jisimha ‘Ċaqqufa’ bejn il-gvern u ambaxxatur Taljan. 

Kont intgħażilt biex nitla’ fuq il-wheeler fl-Italja, dak iż-żmien lura fl-1974 konna noqogħdu mas-sorijiet Maltin hemmhekk u għamilna madwar xahrejn. Kif ġejna lura kulħadd beda jipprattika s-snajja’ u jien komplejt ma’ Ċaqqufa. Kienet xi ħaġa li baqgħet fija u fl-aħħar tal-karriera komplejt mal-gvern. Imma mal-gvern terrakotta biss, jiġifieri ċaqquf biss… fuħħar. Bejn iċ-ċeramika u l-fuħħar hemm qabża kbira. Iċ-ċeramika tista’ tagħtiha l-kuluri u tlibbisha biex tisbieħ, il-fuħħar dak kulur wieħed.

L-għaġna hija parti mis-sengħa li bilfors trid issir. Meta nagħġen it-tafal inkun qiegħed inneħħilu l-arja li tidħol bejnietu. Barra minn hekk meta jien nagħġnu nkun qiegħed inneħħilu l-għoqod li jkun hemm artab u iebes biex jiġi l-istess.

Illum il-linja tal-fuħħar inqatgħet u daħlet iċ-ċeramika. In-nies saret trid ħafna ċeramika li tiġi minn barra u biex ngħidu hekk diffiċli biex tgħix minn dan ix-xogħol. Jekk tkun familjari tgħix imma jekk tkun bin-nies diffiċli biex iġġib il-pagi. Jien u l-mara kemm kemm nitqarbnu mit-turist għax in-nies tal-lokal jidħlu darba jew darbtejn u daqshekk. 

Illum jien nagħmel dan ix-xogħol għall-gost u mhux għall-flus. Mhux se ngħidlek li jien xi sinjur imma li kelli nagħmel għamiltu u dejjem qlajnieha u kilnieha. Kont nagħmel ordnijiet kbar imma ma kontx nagħġen b’idejja qabel. Illum il-ġurnata nieħu pjaċir jistednuni f’wirjiet bħalma kienet dik agrarja f’Ħad-Dingli fl-aħħar jiem u issa mistieden ukoll għal-lejliet l-Imnarja u anke għall-festa tal-Imnarja. Nieħu pjaċir inkun ta’ għajnuna u nagħti tagħrif lil min jieqaf maġenbi biex jistaqsini, imma llum kontra qalbi jkolli ngħid li dawn is-snajja’ qed jinqatgħu.

Darba ħabib tiegħi qalli jekk ikollok il-kaxxa tal-flus f’idejn in-nies qatt mhu se jkollok suċċess fin-negozju u jien meta nkun hawn fuq il-wheeler l-aktar li niġbed l-attenzjoni tat-turisti. Allura ma nistax noqgħod kull darba nitlaq minn idi biex kull darba naħsel idi u nżommilhom jien. Allura konna ddeċidejna li nagħlqu l-bibien… almenu għalissa. Jaf għada pitgħada nnaddaf il-post u forsi naħsibha mod ieħor imma għalissa magħluq.

Il-magna moderna tal-elettriku togħġobni għax se ttella’ iżjed xogħol skont il-veloċità li nagħti b’saqajja. Il-wheeler kollox minn ġo fik stess. Kollox jibda mill-ħsieb ta’ x’se ttella’… kemm nagħfas b’idejja, tmajna saqajja għax b’saqajja nimbotta u nikkonċentra b’idejja. Infatti din il-wheeler tagħtini ċertu sodisfazzjon għax ħdimtha jien stess apposta fuq stil antik biex inkun nista’ nkompli nuri kif kienet tinħadem din is-sengħa fuq stil antik… tal-elettriku heavy duty imma l-antik dejjem jiġbed aktar l-attenzjoni tan-nies.

Ħa ngħidlek oħra ta… kelli oħra qabel… kont noqgħod bilwieqfa imma dik żgur tegħja malajr għax trid iżżomm b’sieq waħda u bl-oħra taqdef. B’dawn il-manwali mhux se ttella’ xi ġarra kbira għax taf kemm trid taqdef u tagħmel saħħa b’saqajk!

Sport