Sunday, December 22, 2024

“Kemm qed inqisu d-drittijiet tat-tfal b’dawn it-tip ta’ sentenzi?”

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca dwar il-każ taż-żewġ ommijiet Torok li spiċċaw il-ħabs fuq dokumenti foloz

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca llum ħadet sehem f’attività simbolika quddiem il-Qorti b’rabta mas-sentenza ta’ sitt xhur ħabs li ngħataw żewġ ommijiet Torok fuq dokumenti foloz bil-konsegwenza li spiċċaw mifrudin minn uliedhom minuri. 

Fost dawk preżenti kien hemm attivisti mill-Moviment Graffitti, il-Fondazzjoni Aditus u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali. Mal-ħadid li hemm barra l-Qorti twaħħlu diversi pupi tat-tfal, filwaqt li d-dimostranti żammew kartelluni f’idejhom li jgħidu: “Tfajtu ‘l omm il-ħabs u kkundannajtu lit-tfal”, u “Qatlu mara f’darha: Community Service. Ħarbu mill-persekuzzjoni: ħabs”.

F’kummenti lil dan is-sit, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll il-linji gwida miftehma fil-Kunsill tal-Ministri fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa dwar kif il-Qrati jkunu child-friendly. 

Hija qalet li kull strument internazzjonali u anke l-liġi Maltija tħares l-aħjar interess tat-tfal bħala primarju fundamentali. Kien hawn fejn qalet li bilfors iqumu l-mistoqsijiet: “Kemm qed inqisu dawn it-tip ta’ sentenzi d-drittijiet tat-tfal? Fejn huma qegħdin id-drittijiet tat-tfal u d-dritt ewlieni fundamentali l-aħjar interess tagħhom?”

Coleiro Preca temmet tgħid li jekk inħarsu lejn il-liġi Maltija, din tgħidilna ċar u tond li l-aħjar interess tat-tfal huwa suprem. 

Min-naħa tiegħu, il-Moviment Graffitti ddeskriva s-sentenza tal-Qorti bħala “eżempju ċar ta’ razziżmu istituzzjonalizzat” fejn il-Qrati setgħu ħarġu sanzjonijiet inqas ħorox u iktar adattati. Qal li xejn ma jżomm lill-Qorti milli toħroġ sanzjoni komunitarja minflok ħabs għal każijiet bħal dawn. 

Il-Moviment Graffitti laqa’ wkoll il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissarju tat-Tfal, is-Sinjura Pauline Miceli, li ħeġġet lill-Qorti biex tirrimedja l-piena tal-ħabs sabiex titnaqqas kemm jista’ jkun it-trawma u l-ħsara fuq it-tfal, b’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. 

Il-Fondazzjoni Aditus ukoll ikkundanna l-prosekuzzjoni u s-sentenza li ngħataw iż-żewġ ommijiet li “ġew Malta biex isibu sigurtà għalihom infushom u għat-tfal tagħhom” u qalu li din mhijiex ġustizzja.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali qalet fost oħrajn li l-istat jeħtieġ li jiżgura li t-tfal ikollhom kuntatt sostanzjali mal-ġenituri tagħhom waqt li jkunu taħt il-kura tal-istat. Qalet ukoll li għandhom jiġu kkunsidrati konsegwenzi alternattivi bbażati fil-komunità għall-ġenituri filwaqt li tissalvagwardja l-aħjar interess tat-tfal involuti. 

Intant, l-istess ommijiet, permezz tal-avukati tagħhom, kienu appellaw mis-sentenza u ntqal li qegħdin ifittxu ażil minħabba dak li huma sejħu “r-reġim ta’ Recep Tayyip Erdogan fit-Turkija.”

Ekonomija

Sport