Monday, April 29, 2024

“Kieku għadu magħna Silvio kien jifraħ żgur għax kien jistħoqqlu hekk”

... Il-mara ta’ Silvio Parnis wara li kien rikonoxxut b’Ġieħ ir-Repubblika

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Se nibqgħu ngħożżu dan l-unur. Kieku kien għadu ħaj Silvio kien jifraħ bih żgur għax kien jistħoqqlu hekk.” Qalet dan Dorianne Parnis, il-mara tal-mibki Silvio Parnis, f’kummenti ma’ dan is-sit wara li l-Erbgħa li għadda ngħata Ġieħ ir-Repubblika b’turija ta’ rispett lejn ir-ruħ soċjali li kellu.

Emozzjonata, Dorianne qaltilna li Silvio kien iħobb jgħin lil kulħadd u li l-anzjani kienu kollox għalih. “Lill-anzjani kien iħobbhom ħafna,” hija żiedet tgħid. Dorianne temmet tgħid li għalkemm m’għadux magħna, Silvio ħalla legat kbir warajh, bil-kummenti tan-nies jixhdu kemm huwa tassew kien, għadu u se jibqa’ maħbub.

Silvio Parnis twieled fl-1965 u kien politiku mal-Partit Laburista. Huwa serva bħala membru parlamentari mill-1998 sal-2022. Bejn l-1994 u l-1998 huwa serva bħala Sindku ta’ Raħal Ġdid u ġie elett fil-Parlament fl-1998, 2003, 2008, 2013 u 2017.

Parnis għamel mill-politika missjoni sabiex jgħin lill-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Huwa rnexxielu jgħaqqad is-servizz politiku mal-kawża soċjali, b’kuntatt man-nies il-ħin kollu u b’ħidma sabiex itejjeb il-qagħda soċjali tal-komunità, l-aktar f’dak kollu li huwa marbut mal-għajxien tan-nies, l-għajnuna soċjali, l-għożża tal-anzjani u l-akkomodazzjoni fost oħrajn. 

Parnis kien ukoll xandar fuq it-televiżjoni u r-radju għal bosta snin fuq stazzjonijiet differenti. Hawn ukoll għamel ħiltu sabiex jaħdem u joħloq kuxjenza fuq kawżi soċjali fis-soċjetà Maltija. Matul dawn ix-xandiriet kien jagħti opportunità lin-nies isemmgħu leħinhom, iżda fuq kollox kien jagħmel mezz kif iħeġġeġ lin-nies jagħmlu differenza bil-fatti fil-ħajja ta’ min għandu bżonn. 

Wara l-elezzjonijiet tal-2017, Parnis kien inħatar bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet u wara bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità. Huwa baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu jgħin lil min hu fil-bżonn sakemm ħalla din id-dinja nhar it-3 ta’ Jannar 2023.

Sport