Bil-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat ippakjata bin-nies, li ħafna minnhom marru hemm anke siegħa qabel biex jagħtu l-aħħar tislima lil Alejandro Brincat, żagħżugħ ta’ 25 sena, u missier ta’ żewġt itfal. Brincat miet f’inċident tat-traffiku nhar is-6 ta’ Jannar li għadda għall-ħabta tad-9.15pm fi Triq l-Imdina Ħ’Attard.
Merfugħ minn sħabu stess, plejers tal-futball fuq iż-żuntier tal-knisja kollha marru lejn ir-Rabat biex isellmu għall-aħħar darba lil dan il-ġuvni li sa ftit sigħat qabel kien qiegħed jilgħab magħhom.
Waqt l-omelija, il-Prim Konċelebrant fakkar il-ħajja taż-żagħżugħ b’diversi riflessijiet anke mill-Evanġelju. Stqarr li Alejandro kien ġuvni li dejjem kellu t-tbissima fuq wiċċu u kien jara li kulħadd ikun kuntent.
Lil dawn preżenti ħeġġiġhom li minkejja li hu ferm diffiċi li wieħed jagħti l-aħħar tislima lil persuni għeżież għalih, xorta waħda għandha nżommu spazju f’qalbna għal Ġesù.
Is-saċerdot talab lil Alla biex jilqa’ fi ħdanu lil Alejandro li kien bniedem iħobb u joffri l-imħabba tiegħu lill-ħaddieħor. “Din l-imħabba li kellu Alejandro kienet kbira wisq b’mod speċjali għal uliedu li kienu kollox għalih,” kompla jgħid is-saċerdot.
Fakkar ukoll fit-talent li kellu fil-futbol u talenti oħrajn li “Alejandro dejjem għaraf juża b’mod tajjeb.”
“Mulej għamel li Alejandro jingħata l-mistrieħ ta’ dejjem… għal dawk kollha li jafuh se nibqgħu niftakruh bħala persuna ferrieħi u li jqanqal tbissima fuq fomm kulħadd,” temm jgħid is-saċerdot fl-omelija tiegħu.