Żgur li waħda mill-ħolmiet li minn età ċkejkna wħud minna noħolmu hija li xi darba nipparteċipaw f’konkors tas-sbuħija. U meta nsemmu konkors tas-sbuħija mhux biss qed nirreferu għan-nisa, għax forsi huma l-ġeneru li l-aktar hemm konkorsi, imma wkoll għall-irġiel, u llum il-ġurnata ħafna ġuvintur u rġiel saru aktar konxji tad-dehra tagħhom, kif iżommu ruħhom, u aktar irġiel ukoll qed jirrikorru u jieħdu sehem f’konkorsi tas-sbuħija. Iżda forsi wieħed jaħseb li dawn il-konkorsi huma biss dwar id-dehra ta’ barra, dak li huwa estern, imma tajjeb inkunu konxji li ħafna minn dawn il-konkorsi jaraw li l-parteċipanti joħorġu wkoll il-personalità tagħhom, juru t-talenti u anke l-kapaċitajiet tagħhom bħala persuna, għax il-persuna mhux kif tidher biss minn barra imma jgħodd ħafna aktar dak li hemm ġewwa, li jagħmlek persuna sħiħa.

Iltqajna ma’ Angelina Usanova, imwielda fis-7 ta’ Awwissu tal-1997 fi Kyiv, u hija mudella u mużiċista, u awtriċi tal-lirika tal-kanzunetti Ukrena, li ġiet inkuranata Miss Eco International fis-sena 2024 f’konkors tas-sbuħija. Hija rebħet ukoll it-titlu ta’ Miss Ukraine Universe 2023 u rrappreżentat lil pajjiżha f’Miss Universe 2023.
Meta staqsejnieha fuq dan it-titlu, hija spjegat li t-titlu li kisbet, aktar milli għandu x’jaqsam mal-immudellar, huwa aktar bħala peagentry, u “b’peagentry nifhmu li trid tuża wiċċek u l-ġisem tiegħek, li temmen li huma sbieħ, imma trid ukoll li jkollok għan, li jkollok vuċi, għal dawk eżempju li mhumiex privileġġjati.” Hija qaltilna li qabel ma kienet involuta f’dan il-peagentry, hija kienet għalliema tal-Yoga, u anke kienet Yoga Master. Kienet involuta wkoll b’mod volontarju anke fejn tidħol il-mużika sakemm imbagħad faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajina.

Li tkun inkuranata bħala Miss Ukraine Universe fl-2023 kienet esperjenza li fi kliemha “ma kont qatt qed nistenna, qatt qabel ma kont involuta f’xi peagent jew fl-immuddellar. Qatt ma kienet xi ħolma tiegħi. L-aktar li kont niffoka fuqu hu l-intelliġenza u fuq l-iżvilupp tal-moħħ. Inħobb ħafna t-tagħrif, inħobb nistudja u nħobb nivvjaġġa ħafna. Konxja bis-sbuħija tiegħi u vera kuntenta fuq hekk, imma qatt ma użajtha bħala għodda biex inkun rikonoxxuta għaliha. Li nirrappreżenta lil pajjiżi sempliċiment għax jien sabiħa għalija kienet xi ħaġa stramba. Iżda l-fatt li ġejt magħżula biex nirrappreżenta lil pajjiżi minħabba s-sbuħija tiegħi tatni l-opportunità biex nitkellem dwar il-paċi, dwar id-drittijiet tan-nisa, dwar is-sitwazzjoni li l-poplu u speċjalment it-tfal jinsabu fiha minħabba l-gwerra. Allura dan kien bħala platform għalija biex nuri t-talent tiegħi u grata li nista’ nuża din l-opportunità biex minnha joħroġ il-ġid.”
L-esperjenza tagħha fejn tidħol is-sbuħija ma waqfitx hemm għax imbagħad ħadet it-titlu ta’ Miss Eco International, wara li kienet mistiedna biex tipparteċipa f’dan il-peagent internazzjonali dwar l-ambjent bl-isem Miss Eco International. Dwar dan il-konkors qalet li “dan qaluli li mhux xi konkors kbir bħal Miss World jew Miss Universe, imma huwa aktar fuq skala żgħira u jagħtik it-titlu ta’ ambaxxatriċi, u ddeċidejt li nidħol għax jiena kont imrobbija f’ambjent, kemm fil-familja u kemm fl-iskola fejn konna nagħtu kas ħafna lill-ambjent u konxja biex nippreservawh billi konna nagħmlu proġetti, anke fejn jidħlu l-annimali. Għalija kienet xi ħaġa naturali li nagħmel għax inħobb nieħu ħsieb in-natura u kont kunfidenti tant li bdejt nippjana kif se nuża dan it-titlu li tant kburija bih, u li issa ser ngħaddi l-kuruna tiegħi lil tfajla oħra f’April li ġej.”

Angelina bħalissa tinsab f’Malta, wara li għaxar snin ilu kienet għexet hawn għal madwar nofs sena, allura taf lil Malta sew, “anzi niftakar meta kont ngħix fl-Iklin, jogħġobni Għar id-Dud, togħġobni l-Mellieħa, u kont anke studjajt il-lingwa Maltija. Malta għalhekk hija verament marbuta ma’ qalbi u rrid ngħid ukoll li kull meta niġi Malta dejjem ikun vjaġġ speċjali għalija!”
Angelina kienet involuta fil-fondazzjoni Coast is Clear, li matulha nġabru 164 kg ta’ plastic mill-bajja ta’ Għajn Tuffieħa. Hija qalet li “kien ta’ unur u pjaċir għalija li niltaqa’ ma’ Mark Galea Pace u nara x-xogħol impekkabbli li qed isir fil-gżejjer Maltin u għan-natura nnifisha, u kemm mhux diffiċli biex tispira lin-nies u mqar imorru jnaddfu xi bajja, jew iħawlu xi siġra. Kulħadd jista’ jikkontribwixxi anke jekk ftit. Meta nivvjaġġa u nagħti l-kontribut tiegħi lis-soċjetà ikun għalhekk ta’ unur kbir għalija.” Hija kompliet tgħid li “meta naraw persuna sabiħa, dik s-sbuħija trid toffri armonija. Allura huwa verament importanti li min qed iġorr dan it-titlu ta’ Beauty Queen, irid ikun ta’ eżempju u juri dan il-bilanċ u l-armonija bejn is-sbuħija esterna u dik interna; li tispira lin-nies, li tgħin lill-oħrajn, għax is-sbuħija hija qawwa, u kif ser tuża din il-qawwa, għat-tajjeb jew għall-ħażin? Allura trid tuża s-sbuħija b’mod responsabbli.”
Meta staqsejna ftit dwar il-futur tagħha hija qaltilna li ladarba hi mużiċista, għandha xi proġetti f’moħħha fosthom fejn tidħol il-mużika bħalissa qed tikteb u biex toħroġ album ġdid. “Qed nippjana wkoll li niftaħ retreat centre speċjalment għal dawk in-nies Ukreni li ġew milquta bil-gwerra.” Fil-pjan tagħha għandha wkoll il-ħsieb li tibqa’ tieħu ħsieb l-annimali permezz ta’ organizazzjonijiet lokali.
Finalment xtaqna li hi twassal messaġġ lil dawk li jaspiraw karriera fl-immudellar, jew bħala Peagent Queen, u wieġbet li importanti li “persuna tkun intelliġenti, li tistaqsi, li tinvesti fl-edukazzjoni, u li tkun taf lilek innifsek, għax jekk issir taf lilek innifsek, hemmhekk issib l-armonija u l-paċi, u wkoll li tieħu ħsieb is-saħħa, kif tiekol, u anke l-attività fiżika.”