Monday, December 9, 2024

“Kienet deċiżjoni tajba u għaqlija” – Is-Sindku ta’ Birżebbuġa

Aqra wkoll

Jgħid dan is-Sindku ta’ Birżebbuġa wara li r-residenti kollha fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far tpoġġew taħt kwarantina mandatorja

Miktub minn Claudio Coleiro u Matthew Charles Zammit

Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Joseph Farrugia laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern fuq il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa li r-residenti kollha fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far jitpoġġew taħt kwarantina mandatorja għal 14-il ġurnata wara li rriżultaw diversi każi ġodda ta’ residenti infettati bil-Coronavirus.

“Nirrispettawhom lil dawn in-nies. Imma kif inhi s-sitwazzjoni aħna msakkrin ġewwa u dak ċentru miftuħ, jidħlu u joħorġu x’ħin iridu. Għalina huwa ta’ periklu dan,” qalilna Farrugia meta mitlub minn inewsmalta biex jikkummenta dwar l-imsemmija deċiżjoni li tħabbret il-Ħadd li għadda mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri.

Huwa kompla billi rringrazzja lill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa li ħadu passi biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni. “Kienet deċiżjoni tajba u għaqlija,” qal Farrugia waqt li nnota li kien hemm min seta’ ma ħax pjaċir bl-istqarrija li ħareġ il-Kunsill fl-aħħar jiem meta appella biex iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far jingħalaq, iżda sostna li din kienet deċiżjoni li ttieħdet fl-aħjar interess ta’ kulħadd.

Is-Sindku ta’ Birżebbuġa temm jgħid li: “l-importanti huwa li din il-marda ma tkomplix tinxtered mhux biss f’Birżebbuġa imma f’Malta u Għawdex kollu.”

Iċ-Ċentru ta’ Ħal Far miżgħud bl-Armata u l-Pulizija; mhix l-istess għal residenzi oħra

Intant, L-Orizzont żar iċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far matul il-ġurnata tal-bieraħ, hekk kif bdiet tiġi infurzata fuq ir-residenti ta’ dan iċ-ċentru kwarantina mandatorja, bħala reazzjoni għall-aħbar li numru ta’ residenti ġewwa ċ-Ċentru rriżultaw pożittiv għall-Covid-19.

Ammont kbir ta’ pulizija, kif ukoll membri tal-forzi armati, ddominaw l-entratura taċ-ċentru hekk kif dan ingħalaq, filwaqt li r-residenti dehru jagħmlu forma ta’ defile fil-bitħa tal-istess ċentru. Minkejja s-sitwazzjoni, fl-ebda ħin ma kinet tidher xi tensjoni mill-persuni preżenti.

Intant, spikkat ukoll il-preżenza tal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, kif ukoll il-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi, li kienu preżenti fuq il-post jissorveljaw il-ħidma tal-forzi armati.

Jitkellmu r-residenti mhux miċ-Ċentru: “Qabdu u keċċewna mingħajr spegazzjoni”

Dan il-ġurnal ra ukoll numru ta’ nies sparpaljati fiż-żona. Huma u jitħaddtu mal-ġurnalisti tagħna, sirna nafu li dawn huma persuni li mhux residenti fiċ-ċentru ta’ Ħal Far, iżda joqogħdu fil-viċinanzi, fosthom fil-Laboratorju tal-Paċi mmexxi mill-Patri Dijonisju Mintoff, kif ukoll dawk li sabu kenn fil-bini ta’ China House, ġewwa Ħal Far.

Uħud minn dawn il-persuni, Ali* (isem fittizju għal raġunijiet ta’ anonimita) saħaq kif huwa, u kollega tiegħu, kienu sa’ jumejn ilu jaħdmu ma’ żviluppatur prominenti lokali. Ali saħaq li “xħin il-prinċipal sar jaf li aħna residenti ġewwa China House, qabdu u keċċewna mix-xogħol, mingħajr flus jew xejn.”

“Kien għalxejn li ppruvajna ngħidulu li aħna ma konniex residenti ġewwa ċ-Ċentru Miftuħ, anzi li konna tlaqna mill-post snin ilu. Mingħajr ma lissen kelma oħra, keċċiena u morna lura.”

Mistoqsi minn L-Orizzont fuq jekk kienx jaf persuni oħra li sofrew tkeċċija mingħajr avviż apparti l-każ tiegħu personali, Ali semma li huwa kien jaf “mill-inqas ħamsa min-nies. Ma nafx jekk hemmx iktar.”

Ekonomija

Sport