Friday, May 3, 2024

Novellista Taljana tibgħat ittra “mill-futur” lill-Ewropej … Tiddeskrivi l-esperjenza kerha tal-lockdown fl-Italja

Aqra wkoll

Miktub minn Melvin Farrugia

In-novellista Taljana, Francesca Melandri dan l-aħħar kitbet ittra dwar l-esperjenza tagħha f’lockdown għal madwar tliet gimgħat minħabba t-tixrid tal-COVID-19. F’din l-ittra li ssejħilha bħala waħda ġejja “mill-futur” għall-kumplament tal-Ewropa, hi tiddeskrivi l-emozzjonijiet differenti tan-nies biex tagħti ħjiel lill-Ewropej dwar dak li mistennija jesperjenzaw fi ftit tal-ġimgħat oħra. 

Melandri tibda billi tgħid li l-Italja llum tinsab f’pożizzjoni fejn il-kumplament tal-Ewropa se tkun fi ftit ġimgħat. Tgħid li qiegħda tara kif qegħdin iġibu ruħhom l-Ewropej, bħalma kienu fil-fatt iġibu ruħhom it-Taljani, fejn bosta kienu dawk li kienu jqisu din l-imxija bħal kwalunkwe oħra, filwaqt li oħrajn diġà kienu bdew jifhmu x’issarraf fil-verità.  

Tibda billi tiddeskrivi li meta tkun f’lockdown tispiċċa tiekol aktar, mhux biss għax hi waħda mill-uniċi ftit affarijiet li tkun tista’ tibqa’ tagħmel. 

Issemmi li jinħolqu diversi gruppi ta’ netwerking soċjali, li juruk kif għandek tgħaddi l-ħin liberu, iżda filwaqt li ħafna jibdew jissieħbu fihom, wara xi ftit taż-żmien jibdew jinjorawhom. Tgħid ukoll li jkun hemm min jiftaħ il-kotba tal-letteratura apokalittika, iżda wara ftit tal-ħin jirrealizza li ma tantx għandu aptit jaqra dwar dan. 

Għalhekk in-nies jerġgħu jispiċċaw jieklu. Ma jorqdux tajjeb u jibdew jistaqsu x’qed jiġri mid-demokrazija. Ħafna jqattgħu ħinijiet twal fuq il-midja soċjali. Uħud iħossu n-nuqqas ta’ uliedhom il-kbar bħalma qatt ħassewh qabel, anke minħabba l-fatt li ma jafux meta se jerġgħu jarahom. Dan iweġġagħhom bħal qisha daqqa fl-istonku tagħhom. 

Melandri tgħid li tispiċċa tinsa l-ġlied li kellek ma’ ċerti nies u ċċemplilhom biex tara kif inhuma minkejja li tkun ħlift li qatt ma tkellimhom aktar. 

Issemmi kif dawn iċ-ċirkostanzi se jwasslu biex anke jkun hemm ħafna nisa msawta fi djarhom u n-nies jibdew jistaqsu x’qed jiġri minn dawk li m’għandhomx dar. Tħossok vulnerabbli meta tmur tixtri f’toroq vojta u tibda tistaqsi jekk hux dan il-mod kif jikkollassaw is-soċjetajiet. Biex tneħħi dawn il-ħsibijiet, terġa’ tmur id-dar u tiekol. 

Minħabba f’hekk se żżid fil-piż u allura tfittex kif tagħmel eżerċizzju fiżiku online. Se jkun ukoll żmien li tidħak u anke dawk li dejjem ħadu l-ħajja bis-serjetà, se jibdew jirrealizzaw l-assurdità tal-ħajja, tal-univers u ta’ kollox. 

Minħabba r-regoli tas-social distancing, in-nies se jagħmlu appuntamenti fil-kjuwijiet tas-supermarkets fejn għal ftit ħin ikunu jistgħu jaraw lil xulxin fiżikament, minkejja li jżommu żewġ metri ‘l bogħod. 

F’dawn il-mumenti se tkun ukoll qed tgħodd dawk l-affarijiet li m’għandekx bżonn, filwaqt li se jkun qed jinkixef il-karattru ta’ dawk madwarek. Dawk li dejjem kien jidhru fl-aħbarijiet bħala l-għorrief se jisparixxu u magħhom anke l-opinjonijiet irrilevanti tagħhom. Min-naħa l-oħra, nies li qabel qatt ma konna nagħtu kas dak li jgħidu, se jkunu n-nies li jassiguraw lill-poplu, jgħinuh u anke jservu ta’ bastun li tista’ toqgħod fuqu. 

Se jkun hemm ukoll minn dawk li jgħidulek li dan li ġara hu opportunità biex inġeddu l-pjaneta. Wara ftit se jdejquk u tibda tistaqsi li minkejja li vera tajjeb li l-pjaneta tieħu nifs aħjar, iżda fl-aħħar mill-aħħar min se jħallaslek il-kontijiet tax-xahar id-dieħel. Għalhekk mhux se tkun tista’ tifhem jekk it-twelid ta’ dinja ġdida hix xi ħaġa kbira jew inkella xi ħaġa miżerabbli. 

Melandri tgħid li n-nies jispiċċaw idoqqu l-mużika mit-twieqi u fil-ġonna tagħhom biex jagħmlu kuraġġ lil xulxin, bħalma għamlu huma t-Taljani u qabilhom anke ċ-Ċiniżi. 

Tgħid li ħafna nies se jorqdu u jaħilfu li kif jgħaddi kollox u jkunu jistgħu joħorġu se jitolbu d-divorzju, filwaqt li oħrajn se jieħdu l-opportunità biex jagħmlu t-tfal. 

It-tfal jitgħallmu online u minkejja li se jkun hemm diversi diffikultajiet, dawn xorta se jferrħu lin-nies.

Rigward l-anzjani Melandri tgħid li dawn mhux se jobdu u jagħmlu bħal żgħażagħ ta’ rashom iebsa. Se jkun hemm bżonn tiġġieled magħhom biex ma joħorġux, għax inkella jinfettaw ruħhom u jmutu. 

Dwar il-mewt, in-novellista tgħid li ħafna se jipprovaw ma jaħsbux dwar dawk li qed imutu waħedhom fit-taqsim tal-kura intensiva, filwaqt li kulħadd se jkun jixtieq ideheb lill-ħaddiema tas-saħħa. 

Se jingħad li kulħadd qiegħed fl-istess dgħajsa u dan hu minnu. Madankollu, il-klassi se tagħmel id-differenza kollha, għax li tkun magħluq f’dar bi ġnien sabiħ, hu differenti milli tkun f’dar popolata b’ħafna nies. Lanqas mhu l-istess li tkun tista’ tkompli taħdem mid-dar, filwaqt li ħaddieħor jispiċċa mingħajr xogħol jew f’riskju li jitilfu. 

F’ċertu punt, in-nies se jindunaw li hi sitwazzjoni iebsa u jibżgħu. Filwaqt li wħud se jaqsmu l-biża’ tagħhom ma’ dawk li jħobbu, oħrajn se jżommuha għalihom biex jevitaw milli jżidu l-ħsibijiet lil ta’ madwarhom. 

Minħabba f’hekk in-nies se jkomplu jieklu. Fuq kollox, il-kittieba tgħid li meta dan kollu se jgħaddi, id-dinja żgur li mhix se tibqa’ l-istess. 

Sport