Wednesday, July 24, 2024

Kienet esperjenza sabiħa ħafna kif ukoll diffiċli għax din il-kompetizzjoni hija waħda mill-akbar fl Ewropa – Pamela Psaila

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-crossfit?

Minn meta kont żgħira kont nipprattika sports – ġinnastika u atletika. Kont ukoll nilgħab rugby mat-tim nazzjonali ta’ Malta.

Fi żmien ir-rugby sirt familjari mal-crossfit (minħabba ċertu taħriġ li kien ikollna) u mal-ewwel għoġobni għax il-crossfit jinvolvi l-iżjed sport li nħobb il-ġinnastika kif ukoll varjetá ta’ kull sport magħqudin flimkient bħall-weightlifting, powerlifting, ġiri, eċċ.

Fil passat riċenti int kont tifforma wkoll parti mit-tim nazzjonali tal-weightlifting. Agħtina iktar dettalji.

Kont bdejt nipprattika weightlifting mal-kowċ ta’ Malta biex intejbu t-teknika tal-weightlifting u nkun iżjed effiċjenti fil-crossfit, fejn anke ġietni l-opportunitá nirrapreżenta lil Malta fis-Small Nations u l-Mediterrean cup u kompetizzjonijiet oħra internazzjonali.

X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li rnexxielek tikseb barra minn xtutna?

Kienet esperjenza sabiħa ħafna kif ukoll diffiċli għax din il-kompetizzjoni hija waħda mill-akbar fl Ewropa u l-livell ikun tajjeb ħafna.

L-ikbar sodisfazzjon kien li fl-ewwel event irnexxieli nagħmlu u nikseb it-tielet post fih. Dan kien jikkonsisisti f’1km għawma u 5km ġirja.

X’inhi d-differenza bejn il-weightlifting, powerlifting u crossfit?

Weightlifting jiffoka fuq żewġ refgħat li huma snatch u clean and jerk, Powerlifting fuq tliet refgħat – Back Squat, bench press u deadlift filwaqt li fil-crossfit għandek varjetá kbira ta’ movimenti li huma dawk tal-weightlifting u powerlifting magħqudin ma’ ġinnastika, ġiri, u għawm, u allura it-taħriġ ikun vast ħafna.

Trid tipprova tibbilanċja t-taħriġ biex tkun tajjeb fil-movimenti kollha.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Li nkompli nittrenja biex nkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi u ppreparata għall-kompetizzjonijiet li ġejjin.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-crossfit.

Il-crossfit huwa sport għal kulħadd m’hemmx etá … kulħadd jagħmlu skont il-bżonn tiegħu.

Hemm min irid jagħmel siegħa taħriġ u jissoċjalizza għax il-komunitá hija sabiħa u kbira, hemm min jittrenja crossfit biex isaħħaħ l-isport tiegħu u hemm min bħali il-crossfit huwa l-isport tiegħu.

Il-movimenti jiffukaw ħafna fuq ‘functional movements’ li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum u biex iżidulek is-saħħa u jżommuk b’saħħtek.

Dan l-isport kulħadd ikollu xi movimenti li jħossu aħjar jew agħar minn movimenti oħrajn peró dak huwa s-sabiħ tiegħu – li xi ħaġa se jogħġbok żgur minnu.

L-itqal pass huwa dejjem l-ewwel pass sakemm tibda u ddaħħal it-taħriġ fir-rutina tiegħek!

Ekonomija

Sport