Wednesday, July 24, 2024

Tiġrijiet taż-Żwiemel: Jitilgħu l-Poloz tat-Tazza ALDB Sette Giugno

Aqra wkoll

Għat-tieni sena konsekuttiva t-Tazza Sette Giugno kif kien imħabbar is-sena l-oħra se tkun qed tiġi organizzata b’kollaborazzjoni mal-kumpanija ALDB & Associates Ltd.

Waqt konferenza stampa li saret it-Tlieta wara nofsinhar il-Malta Equidrome, id-Direttur ta’ ALDB & Associates Aldo Busuttil qal li l-kumpanija tiegħu hija waħda rinomata f’dak li huwa xogħol u servizz relatat mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. “Il-Malta Equidrome hija waħda mill-ħafna kumpaniji li wriet fiduċja fil-kumpanija ALDB u matul il-proġett ta’ investiment u mmodernizzar li qed isir qed tafda l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà f’idejna. Għalhekk kienet ħaġa naturali li l-kollaborazzjoni ta’ bejnietna tiġi estiża wkoll għal wieħed mill-kampjonati ewlenin tal-istaġun u ninsabu kburin li qed tissejjaħ it-Tazza ALDB Sette Giugno.”

Dawk preżenti ġew indirizzati wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome Matthew Brincat li wera l-apprezzament tiegħu għal din il-kollaborazzjoni ma’ ALDB & Associates li tgħin sabiex il-Malta Equidrome tkun tista’ torganizza aktar kompetizzjonijiet ta’ livell matul l-istaġun tat-tiġrijiet. Dan is-sentiment kien ukoll reċiprokat minn Anthony Demanuele, viċi Chairman tal-Malta Racing Club li wera sodisfazzjoni li kumpaniji ġodda kienu qed jagħżlu li jappoġjaw it-tiġrijiet taż-żwiemel lokali.

Din se tkun it-13-il darba li qed issir din it-Tazza u għal darb’oħra se jkun qed jiżdied il-premju globali fejn anke se jkun qed jingħata premju għall-ħames post. Apparti mis-sitt elef ewro li se jitqassmu fi premjijiet tal-finali, l-ewwel ħamsa se jieħdu trofew u ż-żiemel rebbieħ għandu għata kommemorattiva filwaqt li ismu jitnaqqax fuq it-trofew tas-Sette Giugno li kienet ġiet inawgurata fl-2011. Kull finalist se jkollu wkoll numri personalizzati li jinżammu bħala tifkira tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-finali.

Il-finali tal-ALDB Sette Giugno Cup se ssir nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju filgħaxija u mistennija li tkun finali verament bilanċjata hekk kif wieħed iħares lejn l-aħħar tiġrijiet tat-tnax-il finalist. Fost dawn it-tnax wieħed isib lir-rebbieħ tas-sena l-oħra Akela Play li spiċċa wkoll fir-4 post fit-Tazza l-Kbira ta’ din is-sena u huwa rebbieħ ta’ diversi unuri, Charming Soldier it-tielet fil-finali tas-sena l-oħra u wkoll rebbieħ ta’ diversi unuri fosthom it-Tazza l-Kbira fl-2022, kif ukoll Velvet Gio u Mac Smily li kienu wkoll fil-finali tal-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza l-Kbira u spiċċaw fit-2 u l-5 post rispettivament.

Ekonomija

Sport