Sunday, December 22, 2024

“Kienet tinsab f’perjodu ta’ rkupru … Se jkollha tegħleb sfida ġdida iktar diffiċli minn ta’ qabilha”

Jeanette Zammit, iz-zija ta’ Ena Marie Mifsud

Aqra wkoll

“Qatt ma immaġinajt li propju eżatt qabel ma tibda s-sena l-ġdida, in-neputija tiegħi ta’ 15-il sena, Ena Marie, kien se jkollha tiġi trasferita lejn Great Ormond Hospital f’Londra sabiex tagħmel operazzjoni serja f’moħħha,” tisħaq Jeanette Zammit, iz-zija ta’ Ena Marie Mifsud, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali.

L-operazzjoni ta’ Ena Marie, żagħżugħa minn Birżebbuġa, damet sitt sigħat, spjegat zijitha Jeanette.

Hija tkompli tgħid li Ena Marie “Kienet tinsab f’perjodu ta’ rkupru wara li fis-sena 2021 inħakmet minn marda li nqalgħet minn imkien. Issa se jkollha tegħleb din l-isfida l-ġdida li hija iktar diffiċli minn ta’ qabilha,” tgħid Jeanette.

Jeanette tiddeskrivi lin-neputija tagħha bħala żagħżugħa brava u kuraġġuża; persuna pożittiva immens u dejjem bi tbissima fuq fommha.

Ena Marie bħalissa tinsab l-Ingilterra fejn se tkun qed tirċievi t-trattament neċessarju. Zijitha, fid-29 ta’ Jannar li ġej, se tkun qed twettaq ġirja ta’ 50km sabiex tiġbor fondi li bihom se tkun qed tgħin lil Ena Marie u l-familjari tagħha f’dan il-perjodu tant diffiċli. Jeanette tispjega kif oriġinarjament, l-idea għall-ġirja ta’ 50km nibtet f’moħħha qabel ma ġara dan kollu, tant li fl-aħħar ta’ Settembru li għadda, hija bdiet titħarreġ għall-ġirja ta’ 50km li xtaqet tagħmel dan ix-xahar għal għeluq il-50 sena tagħha bil-għan li jinġabru fondi għal xi għaqda karitattiva.

Intant, hija waqqfet kampanja ta’ ġbir ta’ fondi b’risq in-neputija tagħha, bl-isem “Run for Ena Marie”. Kull min jixtieq jgħin, jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu permezz ta’ din il-ħolqa. Is-somma miġbura sa ftit tal-minuti ilu qabżet l-€10,000.

Ekonomija

Sport