Wednesday, July 24, 2024

“Kienu, għadhom u se jibqgħu joperaw l-ajruplani tal-Air Malta”

- Il-Prim Ministru Robert Abela dwar il-linja nazzjonali ġdida ta' pajjiżna

Aqra wkoll

“Kienu, għadhom, u se jibqgħu jtiru l-ajruplani tal-Air Malta,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dwar dak li se jkun qiegħed jiġri mil-linja nazzjonali tal-ajru.

Huwa saħaq li l-linja nazzjonali mhix se tispiċċa, iżda li se jkollna linja nazzjonali iżjed effettiva mibnija fuq iċ-ċertezza u l-istabbilità għaliex “Malta jixirqilha linja nazzjonali tal-ajru li tkun b’saħħitha”.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna li l-pajjiż se jkollu linja nazzjonali tal-ajru filwaqt li saħaq illi din se tkun qiegħda tagħmel il-profitti u mhux kif kienet u għadha tagħmel il-kumpanija eżistenti bħalissa. Huwa fakkar kif minkejja li kien hemm bosta persuni xettiċi dwar it-tnissil ta’ linja nazzjonali tal-arju, illum il-ġurnata għalqet 50 sena.

Il-Prim Ministru qal ukoll li kien hemm diversi diskorsi dwar it-telf li kienet qiegħda ssofri l-Air Malta u anke diskorsi dwar il-futur tal-istess linja tal-ajru. Kien hawn fejn enfasizza l-fatt li llum qegħdin nitkellmu dwar il-viżjoni tal-futur li hija lil hinn mill-battibekki politiċi.

Żied jgħid li dan kollu qiegħed isir biex “nassiguraw għada aħjar għall-ġenerazzjonijiet preżenti u għal dawk li għad iridu jiġu”. Dr Abela kompla jgħid li mistenni jkollna linja nazzjonali tal-ajru li t-tema ewlenija tagħha ma tkunx iddominata mill-inċertezza, iżda minn vijabiltità u sostenibilità.

Fid-diskors tiegħu, huwa fakkar li dawn l-aħħar ftit snin ma kinux eċċellenti minnhom infushom anke fejn tidħol l-avjazzjoni minħabba l-pandemija, però minkejja dawn ir-realtajiet, il-Prim Ministru qal li jinsab ottimist li d-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu qed iħarsu lejn għaxar, għoxrin u saħansitra tletin sena oħra.

Dr Abela saħaq li l-Gvern irid ikollu kontroll fuq il-linja nazzjonali tal-ajru. Irrefera għal każi fejn kien hemm pajjiżi li ddeċidiet għalihom il-Kummissjoni Ewropea fejn dawn kellhom iċekknu l-linja nazzjonali jew saħansitra jagħlquha. Abela qal li: “Irridu nippreservaw it-tajjeb li kellha l-linja nazzjonali tal-ajru u nżidu s-sostenibbiltà”.

Il-Gvern Malti spejga lill-Kummissjoni Ewropea li flotta bi tmien ajruplani hija l-flotta ideali għal Malta u din it-talba ġiet milqugħa mill-istess Kummissjoni. Irrefera wkoll għar-rotot fejn qal li dawn se jintgħażlu bilgħaqal bil-għan li jiġġeneraw il-profitt.

Il-Prim Ministru qal li għat-twaqqif tal-kumpanija l-ġdida se jkun meħtieġ ċertu investiment, iżda tenna wkoll li din il-kumpanija se żżomm l-istess ammont ta’ ħaddiema magħha.

Meta rrefera għall-isem Air Malta qal li din hija l-brand tal-Gvern ta’ Malta u sostna li se ssir ħidma biex l-isem jibqa’ l-istess.

Ekonomija

Sport