Wednesday, April 24, 2024

KIF TIKKURA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kif se nikkuraw il-ħsara ambjentali li ssir madwarna?

Billi jinħareġ divjet fuq kull bini f’kull żona, hi fejn hi, li għadha fi stat “naturali” jew dedikata għall-biedja? Imma se jkun hemm reazzjoni negattiva qawwija għal dan minn ħafna interessi.

Billi minflok, jinħolqu żoni ġodda li jinbidlu fi spazji li jservu bħala “pulmun” għal komunitajiet fgati mill-bini? Imma dak ikun qisu li qed tkisser bl-id leminijia u ssewwi fix-xellugija.

Billi tħalli r-regoli eżistenti dwar il-ħarsien ambjentali jitħaddmu bl-aħjar mod possibbli? Imma dak ikun ifisser li t-taħwid tal-lum jibqa’ għaddej bla waqfien.

Billi nqajmu kuxjenza nazzjonali qawwija favur il-ħarsien ambjentali u nittamaw li l-qagħda titjieb? Imma sakemm titqawwa dil-kuxjenza, ma jkunx baqa’ aktar ambjent naturali x’jitħares.

L-IEĦOR

Meta fl-Università kont nattendi korsijiet tas-soċjoloġija jew tal-filosofija “applikata”, ta’ sikwit kont niċċassa quddiem il-ħsieb li kien jiġi preżentat ta’ dak li kien jissejjaħ “l-Ieħor”: dak li mhuwiex int imma li qiegħed f’ħajtek u trid tittratta miegħu. Trid tifhem min hu, x’jaħseb, xi jrid, minn fejn ġie, fejn irid jasal… eċċ. (L-użu tal-maskil hawn qed jintuża għall-faċilità fil-kitba għalkemm ibbażat fuq konvenjenzi sessisti. Apoloġiji għal dan.)

Jikteb il-MEP Alfred Sant

Illum naħseb li forsi naf ftit aħjar x’inhi t-tifsira tal-Ieħor. Hu l-proxxmu li trid tqisu bħalikieku kien int, f’dak li jħoss, jixtieq, jaspira għalih – imma bis-sentimenti u l-għarfien tiegħu magħġuna minn esperjenzi oħra mibnija f’ambjent personali li ma kienx tiegħek. Kif tassew se tifhem lil dan l-ieħor jirrekjedi sforz ta’ immaġinazzjoni simpatika. 

L-Ieħor jista’ jkun il-ġar, l-avversarju politiku, l-immigrant irregolari, sieħbek fil-post tax-xogħol… Kollha huma bnedmin bħalek u bħalek qed iġarrbu l-ħajja b’modi simili għal kif qed iġġarrabha int. Fondamentalment, l-Ieħor m’għandu xejn differenti milli għandek int.

REGOLI 

L-Ukrajni stqarru li l-attakki mir-Russja fuq residenzi ċivili jammontaw għal delitti kontra l-umanità u kontra r-regoli tal-gwerra. Ir-Russi ddikjaraw li l-attakki li saru kontra l-pont li jwassal mingħandhom sal-Krimea kien attakk terroristiku kundannabbli għall-aħħar u waħħlu fis-servizzi sigrieti tal-Ukrajna. L-Ewropej daħħlu sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja bi tpattija għall-invażjoni tal-Ukrajna u meta r-Russja qatgħet sew mill-provista lilhom tal-gass naturali pproklamaw li dan kien rikatt.

Il-mistoqsija li tibqa’ hi: għall-attività insensata li tissejjaħ gwerra, tassew li hemm – jew jista’ jkun hemm regoli “raġonevoli” – dwar kif din għandha titmexxa? Ilu li spiċċa ż-żmien meta gwerra kienet tfisser ġlied imdemmi li kien iseħħ meta żewġ armati rivali kienu jiltaqgħu f’xi lok imbiegħed bħal Waterloo jew Marengo biex jipprovaw jimmassakraw lil xulxin. 

Sport