Friday, April 26, 2024

It-tieni mekkaniżmu tal-COLA se jidħol fis-seħħ aktar tard din is-sena

Ir-rata ta’ twettiq ta’ miżuri tal-Baġit għall-2022 hi ta’ 77%

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tieni mekkaniżmu tal-COLA sabiex ikunu megħjuna dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna mistenni jidħol fis-seħħ aktar tard din is-sena. 

Id-dettalji dwar din il-miżura se jkunu qed jingħataw nhar it-Tnejn li ġej waqt il-preżentazzjoni tal-baġit għas-sena d-dieħla. Huwa stmat li madwar 80,000 persuna (37,000 dar) se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana f’konferenza stampa li matulha ġie ppubblikat id-dokument “It-Twettiq tal-Baġit 2022” fejn ingħata rendikont tal-ħidma tas-Servizz Pubbliku fuq kull miżura tal-baġit. 

Filwaqt li ddeskriva l-introduzzjoni tat-tieni mekkaniżmu tal-COLA bħala waħda mill-aktar miżuri soċjalisti li se jkun fih il-baġit li jmiss, il-Ministru Caruana sostna li dan il-mekkaniżmu huwa intenzjonat sabiex jipproteġi lil dawk li l-inqas jifilħu, xi ħaġa li l-unions għamlu wkoll aċċenn dwarha.

“F’dak li se nkunu qed ngħinu, tassew se nagħmlu differenza lil daqstant eluf ta’ ies. Nhar it-Tnejn li ġej, se nibagħtu messaġġ ċar kif dawn il-familji se jkunu qed jiġu mwieżna,” qal il-Ministru Caruana. 

Huwa ħabbar ukoll li fid-diskors tiegħu ta’ nhar it-Tnejn, se jitkellem dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi (platform workers) fejn qal li “rridu naraw li kull ħaddiem ikun qed jieħu dak li ħaqqu u mhux aċċettabbli li jkun hemm sfruttament.” 

Sadanittant, waqt il-konferenza stampa ġie spjegat li din is-sena sa issa twettqu 324 miżura. Dan jinkludi miżuri mill-baġit 2022 kif ukoll oħrajn li kienu għadhom pendenti minn baġits preċedenti. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana spjega li r-rata ta’ twettiq għall-2022 hija ta’ 77%. Ir-rata ta’ din is-sena hi ogħla mill-medja perċetwali ta’ kemm ilu jsir dan l-eżerċizzju.

Fost il-miżuri mwettqa tal-baġit 2022 insibu:

– Ċentri tas-Saħħa ġodda fosthom fil-Ħamrun, f’Wied il-Għajn, f’Ħal Tarxien

– Aktar mediċini b’xejn (fosthom tal-mard taċ-ċirkolazzjoni u tal-fibromalġja

– Il-firxa tal-community policing f’aktar lokalitajiet

– Spazji ħodor ġodda (fosthom Ġnien Belveder fil-Marsa, Ġnie Calvagna fil-Mosta, ir-Rijabilitazzjoi ta’ Wied Liemu u Wied Għajn Rihana u t-tisbiħ estensiv tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.

– Żieda fl-istipendji (15,000 student b’żieda ta’ 10%)

– Trasport Pubbliku b’xejn

– Żiedet fil-pensjonijiet

– Tnaqqis fit-taxxi tal-part-timers 

Malta minn ta’ quddiem fl-irkupru ekonomiku wara l-Covid-19

Il-pubblikazzjoni tinkludi għal darba oħra analiżi ekonomika tal-miżuri fosthom it-tkabbir ekonomiku. Analiżi li għamel l-Economic Policy Department fi ħdan is-Servizz Pubbliku, turi li fl-2021 Malta kienet minn ta’ quddiem fl-irkupru ekonomiku wara l-Covid-19, bi tkabbir reali ta’ aktar minn 10% fil-GDP, 5% aktar mill-medja Ewropea.

Minkejja x-xokkijiet internazzjoali fosthom bil-gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomisti jbassru li l-2022 se tkompli tara tkabbir ekonomiku ta’ madwar 4.6%. 

Dan l-eżerċizzju li għamel is-Servizz Pubbliku jiżgura wkoll li l-miżuri mħabbra fil-Baġit jiġu allinjati mal-miri ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-indiċi tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), pajjiżna jinsab fit-33 post minn 163 pajjiż. 

Sport