Thursday, April 25, 2024

Kitbiet ta’ President Emeritus u l-Kummissarju Għoli Ingliża għal Malta f’ħarġa speċjali ta’ ‘IL-FURJANA’ dwar ir-Reġina

Aqra wkoll

Anqas minn xahar wara l-mewt tar-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit, id- Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ ippubblikat ħarġa speċjali tal-gazzetta dwar il-konnessjoni tal-Furjana u ta’ xi Furjaniżi mal-monarka Ingliża li damet 70 sena skorruti fuq it-tron Britanniku.

Is-16-il paġna ta’ din il-ħarġa speċjali huma mimlijin b’tagħrif li hu għal kollox differenti mix-xmajjar ta’ stejjer li bihom konna ibbumbardjati f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat mill-midja nazzjonali u internazzjonali.

Dan għaliex din il-ħarġa speċjali ta’ ‘IL-FURJANA’ hi mimlija b’kitbiet u rakkonti dwar id-diversi drabi li Eliżabetta II, kemm bħala Reġina kif ukoll aktar qabel bħala Prinċipessa, għamlet waqfiet fil-belt tal-Furjana matul iż-żjajjar li għamlet f’Malta u Għawdex.

Xi Furjaniżi jew familjari tagħhom,  jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom meta jew personalment inkella fi grupp, iltaqgħu mal-monarka Ingliża f’Malta jew barra. Dawn ir-rakkonti jirreferu fost l-oħrajn għal żewġt ibniet Furjaniżi li waqt żjajjar differenti tar-Reġina kienu ppreżentawlha bukketti tal-fjuri.

L-artist Furjaniż Noel Galea Bason jikteb dwar il-basso riljiev tal-Kastell Verdala li kien skolpixxa fl-1992 u ngħata bħala rigal lir-Reġina mill-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Ċensu Tabone.

Furjaniż ieħor kien parti mill-Kavallerija tal-Pulizija li skortat lil Eliżabetta II fit-toroq Maltin. Waqt li żewġ Furjaniżi jiktbu dwar l-esperjenzi tagħhom meta kienu f’Londra meta seħħew il-mewt u wara l-funeral tal-monarka Ingliża.

Ir-Reġina Eliżabetta II (dak iż-żmien kienet għadha Prinċipessa) u żewġha l-Prinċep Filippu ta’ Edinburgu jħarsu fid-direzzjoni tal-Furjana minn fuq il-bejt ta’ Villa Guardamangia li kienet ir-residenza tagħhom f’Malta

Minbarra dawn ir-rakkonti, ‘IL-FURJANA’ speċjali fiha wkoll kitbiet mill-Eċċellenzi Tagħhom il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca u l-Kummissarju Għoli Ingliża għal Malta Ms Cathy Ward. Dawn jagħtu valur miżjud lil din il-ħarġa li fil-kuntest tagħha tista’ titqies bħala waħda storika.

Naturalment din il-ħarġa ma fihix biss kitba, imma wkoll aktar minn ħamsin ritratt, fil-bi      ċċa l-kbira storiċi. Ma jonqsux ukoll ritratti attwali, fosthom numru li bagħtitilna għal din il-ħarġa speċifika, Furjaniża li tgħix l-Ingilterra.

Ħarġa storika bħal din, filwaqt li ovvjament għandha tinteressa partikolarment lill-Furjaniżi kemm jekk jgħixu f’Malta kif ukoll jekk huma emigrati f’partijiet differenti tad-dinja, għandha tintgħoġob ukoll mill-Maltin u l-Għawdxin li jikkollezzjonaw materjal ta’ xeħta storika kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Dawk kollha li jixtiequ jakkwistaw kopja ta’ din il-ħarġa speċjali ta’ ‘IL-FURJANA’ jistgħu jċemplu fuq in-numru 79339649. Liema numru jista’ jintuża wkoll minn min jixtieq jabbona f’din il-gazzetta għall-ħlas ta’ 5 Ewro fis-sena biss. Normalment ikunu ppubblikati 4 ħarġiet f’sena. Iżda jkun hemm snin, bħalma hu l-każ ta’ din is-sena, meta jkunu ppubblikati iżjed ħarġiet ukoll.

L-appuntament li jmiss ma’ ‘ħarġa normali’ tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ hu għal dik ta’ Diċembru li ġej.

Dik se tkun it-tmien ħarġa għal din is-sena. Erbgħa minnhom – dik ta’ April fl-okkażjoni tat-80 anniversarju tat-Tieni Gwerra Dinjija fil-Furjana u r-ritorn tal-festa ta’ San Publju wara l-pandemija tal-COVID-19; ta’ Mejju dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku; ta’ Ġunju wara r-rebħ tal-FA Trophy minn Floriana FC; u din dwar ir-Reġina Eliżabetta II – kienu ħarġiet speċjali.

F’Settembru wkoll kienet ippubblikata ħarġa ‘straordinarja’ bi tmien faċċati li kienet tinkludi esklussivament it-traduzzjoni mill-Malti għall-Ingliż tal-feature speċjali dwar il-Ġublew tad-Djamanti ta’ The Phoenicia Malta, li oriġinarjament kien ippubblikat bil-Malti fil-ħarġa ‘normali’ ta’ Settembru. Din il-ħarġa partikolari saret fuq talba ta’ klijent.

Sport