Wednesday, April 24, 2024

L-IMĠIBA TAT-TFAL MAL-BIDU TA’ SENA SKOLASTIKA ĠDIDA

Aqra wkoll

Dan huwa ż-żmien tas-sena fejn l-istdenti kollha rritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola għal sena skolastika ġdida. Għalhekk illum iddecidejt li niffoka  l-artiklu fuq l-imġiba tat-tfal tagħna fil-konfront tagħna l-ġenituri matul dan il-perjodu skolastiku. Tgħiduli fiex tidħol l-iskola mal-imġiba tat-tfal? Forsi ftit nindunaw li xi tfal meta jibdlu r-rutina tagħhom minn dik tal-vaganzi, għal waħda aktar strutturata fl-iskola, din tista’ taffetwahom meta jkunu magħna d-dar. Dan idur kollu mal-attenzjoni kif ukoll mal-mod ta’ trobbija fejn tidħol dixxiplina li aħna nagħtu lil uliedna.

B’ebda mod ma rrid infisser, meta nsemmi dixxplina, li għandna naddottaw xi sistema li konna mdorrijin biha aħna meta konna iżgħar. Iżda rridu nuru li għandna kontroll tas-sitwazzjoni u li dak li nfasslu għal uliedna huwa fl-aħjar interess tagħhom. Mingħajr ma’ nindunaw, xi drabi t-tfal jilagħbu rwol li jġagħluna nitħassruhom jew nagħlqu ftit għajnejna biex huma jieħdu dak li jkunu qegħdin jimmiraw għalih. Qatt m’għandna naqgħu għal sitwazzjonijiet fejn it-tfal ma’ jkunux iridu jmorru skola u nċedulhom. Dan huwa żball kbir għax jekk inċedu darba ikun tard wisq biex nerġgħu nieħdu kontroll tas-sitwazzjoni f’idejna. Jekk it-tfal jitolbuna sabiex ma’ jmorrux skola, iridu nistaqsu għaliex u nevalwaw bir-reqqa dak li jkunu qed jgħidulna huwiex minnu. M’iniex ngħid li ma’ jistax ikun il-każ li jqumu ma jifilħux u f’każijiet simili ikun tajjeb li ma jattendux għal ġid taghhom biex jirkupraw malajr u anke tal-istudenti l-oħra. Agħar minn hekk irridu nsegwu bir-reqqa jekk it-tfal jibdew iġibu kull tip ta’ skuża biex ma’ jmorrux skola. Dan jista’ jkun fattur inkwetanti li t-tfal ikunu għaddejin minn xi tip ta’ trawma jew ansjetà. Mhux kull ma’ jgħidulna jista’ jkun skuża, għalhekk tajjeb illi nisimgħu dak li jkollhom xi jgħidu u nanalizzaw is-sitwazzjoni. F’każijiet estremi jista’ jkun illi jekk inkunu passivi u naddotaw ċerta reżistenza u ma’ nisimgħux x’inhi l-problema nistgħu nkunu qegħdin nagħmlu iktar ħsara milli ġid. Tajjeb li nsegwu minn ġurnata għal oħra l-imġiba ta’ wliedna f’dan ir-rigward u nkunu ta’ sapport għalihom sabiex  il-problema li jkollhom tkun solvuta bl-aħjar mod possibbli. 

Ilkoll nafu bil-problemi li jaffaċċjaw ċertu studenti fejn jidħol bullying, għalhekk jekk dan ikun il-każ tal-problema rridu nindirizzawha minnufih. Jista’ jkun ukoll li l-istudent ma jkunx integra mal-kumplament tal-klassi u ma jibdiex iħossu komdu f’dak l-ambjent. Għaldaqstant irridu nkunu kapaċi nindunaw b’din is-sitwazzjoni b’ċertu aġilità sabiex il-problema ma’ tilħaqx tippenetra b’tali mod li jkollna riperkussjonijiet irreparabli. Mingħajr ma ninstema negattiva, iva kien hawn każi fejn l-istudenti tħallew f’sitwazzjonijiet simili u l-ħsara kienet tali li kkundizzjonatilhom il-futur tagħhom tant li waqgħu f’dipressjoni. Huwa importanti li b’mod edukat nagħmu kuntatt mal-amministrazzjoni tal-iskola kif ukoll l-għalliema. Dawn, flimkien mat-tim psikosoċjali huma mħarrga sabiex ikunu jafu x’għandu jsir b’mod professjonali f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Il-parir tiegħi hu li jekk ma nkunux nafu xi jrid isir, għandna dejjem nistaqsu u nirrikorru għall-parir tal-professjonisti.

Ma ninsewx li bħala ġenituri jew carers għandna r-responsabbiltà sħiħa tat-tfal u għaldaqstant jekk ninjoraw dawn il-problemi inkunu qisna qed nikkontribwixxu għalihom. Illum aħna pajjiż żvilluppat u nsibu kull tip t’għajnuna li tista’ tigwidana u tgħinna nsolvu dan it-tip ta’ problemi. Ejja nkunu aħna wkoll parti mill-futur sabiħ ta’ wliedna billi nkunu għalihom ta’ spalla u ta’ sostenn. 

Sport