Saturday, December 14, 2024

“KLIEM LI JNISSEL MIBEGĦDA HU THEDDIDA GĦAD-DEMOKRAZIJA”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena mill-President tal-GWU Victor Carachi

Il-President tal-General Workers’ Union (GWU) Victor Carachi qal li kull kliem li jnissel il-mibegħda huwa minaċċja għad-demokrazija għax jherri l-valuri soċjali mis-sisien tagħhom u joħloq l-instabilità li tkisser il-paċi fil-pajjiż.

Huwa stqarr dan fil-messaġġ tiegħu tal-Ewwel tas-Sena fejn irrimarka kif sfortunatament illum qed naraw f’pajjiżna fenomenu li flok inissel l-għaqda nazzjonali li tant għandna bżonn qed ikompli jifred lill-poplu tagħna bi kliem ta’ mibegħda u disprezz.

“Dan kollu għaliex qed jiġri f’pajjiżna? Forsi għaliex issa kulħadd jaħseb jew iħossu ħieles li jgħid li jrid fuq min irid u meta jrid għaliex l-aspett kriminali m’għadux parti mir-rimedju? Forsi għaliex il-preġudizzju qed jerġa jgħolli rasu u qed jidħol b’qawwa fl-imħuħ tan-nies? Forsi wkoll għaliex hawn min jaħseb li l-kliem ta’ mibegħda m’huwiex reat kriminali?”, żied jistaqsi s-Sur Carachi. 

Waqt li nnota kif il-kliem ta’ mibegħda, speċjalment fuq il-midja soċjali, mhux iżolat għal Malta biss imma huwa mxerred mad-dinja kollha, il-President tal-GWU qal li madankollu dan mhux xi konsolazzjoni għalina u għalhekk dan il-fenomenu m’għandniex inħalluh ikompli jirkibna.

“Iktar minn qatt qabel hemm bżonn li f’din is-sena li għadha qed tibda nibdew nagħrfu nkunu iktar tolleranti lejn xulxin u nirrispettaw aktar l-opinjonijiet u l-orjentazzjonijiet ta’ ħaddieħor irrispettivament minn kull twemmin, kulur jew ġeneru li wieħed jista’ jkollu.”

Il-President tal-GWU qal li quddiem dan kollu ma nistgħux nibqgħu muti. Huwa qal li jekk nibqgħu silenzjużi nkunu aħna stess li qed noħolqu l-indifferenza għall-bigotrija u l-intolleranza u nkunu aħna stess li qed nagħmlu vittmi lil dawk l-iktar vulnerabli. Tenna li dan m’hemmx loku f’demokrazija attiva u parteċipattiva.

“It-tajjeb kollu li sar waqt il-pandemija seta’ jseħħ għax konna poplu reżiljenti”

Fil-messaġġ tiegħu, is-Sur Carachi semma wkoll kif minkejja d-diffikultajiet li bħala poplu ffaċċjajna fix-xhur tal-2021, li xi wħud minnhom għadhom magħna, ma qtajniex qalbna u għandu jkollna aktar kuraġġ biex kif għamilna fl-imgħoddi, dawn id-diffikultjiet, ilkoll flimkien, negħlbuhom ukoll u noħorġu iktar b’saħħitna bħala pajjiż.

Kien hawn fejn tkellem dwar il-pandemija tal-Covid-19, u rrimarka li din ilha magħna għal sentejn li matulhom rajna l-kollass ta’ bosta ekonomiji akbar minn tagħna. “Rajna wkoll diversi pajjiżi jikkumbattu bla waqfien biex isalvaw is-sistema tagħhom tas-saħħa li kienet f’xifer li tikkrolla, speċjalment il-kura fl-isptarijiet.”

Il-President tal-GWU qal iżda li b’xorti tajba, dak li għaddew minnu pajjiżi oħra matul is-sena li għaddiet, f’pajjiżna ma seħħx. U dan ma kienx b’kumbinazzjoni. Għall-kuntrarju, pajjiżna baqa’ għaddej ekonomikament u soċjalment.

“Bqajna għaddejjin għax fis-snin ta’ qabel ma ġiet fuqna l-pandemija globali, pajjiżna kien għaqli biżżejjed u rabba ekonomija reżiljenti u finanzi fis-sod.

“Ukoll, għax pajjiżna kompla jinvesti b’mod qawwi fejn kien meħtieġ li jsir hekk. Rajna jsifru investimenti fin-negozji, fir-riżors uman, fis-settur tas-saħħa, mhux l-inqas fil-qasam soċjali biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin seta’ jkollhom ħajja diċenti u aħjar milli kellhom ilbieraħ,” qal il-President tal-GWU.

Huwa qal ukoll li minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tiegħu, pajjiżna kompla jiġbed fuqu l-ammirazzjoni ta’ aġenziji ta’ kreditu awtorevoli għall-mod kif Malta rnexxielha tilqa’ għad-diffikultajiet kbar ekonomiċi u soċjali li ħolqot il-pandemija. “B’dan ukoll għandna nkunu kburin.” 

“Huwa kollu minnu li f’dawn l-aħħar ġimgħat qed nerġgħu naraw l-infezzjonijiet tal-Covid jiżdiedu, u għalhekk kull wieħed u waħda minna għandna nkomplu nkunu responsabbli biex filwaqt li nipproteġu lilna nfusna inkunu wkoll qed nipproteġu lil ħaddieħor anki jekk kif jidher, u grazzi għal vaċċin, is-sitwazzjoni pandemika s’issa għadha taħt kontroll.

“Meta nqisu kollox ma’ kollox iżda, it-tajjeb kollu li sar waqt il-pandemija seta’ jseħħ għax konna poplu reżiljenti li fhimna l-obbligi u erfajna r-responsabbiltajiet tagħna. Għax konna wkoll, bħal fl-imgħoddi, poplu li jqum għall-okkażjoni meta l-interess nazzjonali jkunu fil-periklu.

“U l-interess nazzjonali m’għandux ikun meqjus waqt pandemija biss imma għandu jitħares dejjem u kullimkien,” tenna l-President tal-GWU.

“Il-politiċi għandhom iżommu ‘l bogħod minn lingwaġġ aggressiv lejn l-avversarji tagħhom”

Dwar id-demokrazija, huwa qal li din trid tkun sħiħa u aċċessibbli u f’dan il-kuntest huwa kruċjali li l-partiti politiċi kollha jibqgħu jżommu saqajhom mal-art. Qal li l-politiċi stess għandhom iżommu ‘l bogħod minn lingwaġġ aggressiv lejn l-avversarji tagħhom. Dan għax fi kliemu stess jaf ikun ta’ eżempju ħażin għal ħaddieħor. 

Qal li bħala GWU jibqgħu jemmnu li l-ħidma u l-azzjoni politika trid tpoġġi bħala prijorità, l-ewwel u qabel kollox, l-interess tal-ġid nazzjonali. Żied jenfasizza li: “għalhekk, id-dinamika ta’ kull riforma kostituzzjonali, politika u  leġislattiva għandha tkun diretta lejn il-ġid komuni u mhux lejn xi interess partiġġjan. Pajjiżna hekk jixraqlu u kull riforma li ssir trid tirrispekkja l-aspirazzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta’ kulħadd għax b’hekk biss pajjiżna’ jista jkompli miexi ‘l quddiem.

“Irridu nistħarrġu wkoll jekk id-demokrazija tagħna hijiex taqdi sew il-funzjonijiet tagħha kif għandu jkunu. Huwa minnu li f’dawn l-aħħar snin pajjiżna għamel avvanzi kbar lejn governanaza tajba u s-saltna tad-dritt iżda għad jonqos iktar x’nagħmlu biex insaħħu dak li diġà bnejna.

“Kif ilna ntennu, irridu niflu sew ukoll jekk is-sistema politika u l-istitużżjonijiet tal-iStat, speċjalment il-liġijiet elettorali, humiex iservu biżżejjed għaż-żminijiet tal-lum meta ninsabu f’era diġitali li l-pass mgħaġġel tagħha qed kważi jaqta’ nifs kulħadd.”

Il-President tal-GWU Victor Carachi temm jgħid li “aħna konvinti li fix-xhur li ġejjin, anke jekk ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali, pajjiżna mhux se jieqaf jew jibża’ mill-isfidi tal-ġejjieni jkunu kemm ikunu kbar u diffiċli.”

“Għalhekk inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu li lkoll flimkien, poplu wieħed, nagħmlu mis-sena li ġejja sena ta’ prosperità u sliem għal kulħadd.

“F’isem l-Amministrazzjoni Ċentrali u l-Kunsill Nazzjonali u f’ismi, nawgura lil poplu Malti u Għawdxi s-sena 2022 mimlija risq, hena u barka.”

Ekonomija

Sport