Tuesday, May 14, 2024

Putin iwissi lil Biden li sanzjonijiet ikissru r-relazzjonijiet ta’ bejniethom

Aqra wkoll

Il-President Russu Vladimir Putin wissa lill-mexxej tal-Istati Uniti Joe Biden li jekk jiġu imposti sanzjonijiet ġodda fuq Moska minħabba l-Ukrajna, dan se jwassal biex ir-relazzjonijiet kollha bejn dawn il-pajjiżi jikkollassaw. 

F’telefonata li ż-żewġ mexxejja kellhom fl-aħħar sigħat, il-mexxej Russu qal li sanzjonijiet jistgħu jkunu “żball kolossali”. Min-naħa tiegħu, Biden wissa lil Putin li l-Istati Uniti u l-alleati tagħha se jirrispondu b’mod deċiżiv jekk Moska tiddeċiedi li tinvadi lill-Ukrajna. Din it-telefonata, li kienet mitluba mir-Russja, kienet it-tieni waħda li dawn il-mexxejja kellhom matul dan ix-xahar. Din l-aħħar telefonata damet għal kważi siegħa.

Dan kien l-aħħar minn serje ta’ sforzi bil-għan li titnaqqas it-tensjoni fil-fruntiera bejn l-Lvant tal-Ukrajna u r-Russja, fejn allegatament ir-Russja skjerat iktar minn 100,000 suldat. Dan l-allegat żieda fit-truppi wassal għal tħassib serju fost il-pajjiżi tal-Punent, fejn l-Istati Uniti wissiet lil Putin b’sanzjonijiet “li qatt ma rajna bħalhom” kemm-il darba l-Ukrajna tispiċċa taħt attakk. Min-naħa tagħha r-Russja ċaħdet li qiegħda tippjana li tinvadi lill-Ukrajna u qalet li t-truppi tagħha qegħdin hemm biss għal taħriġ. Moska qalet li għandha kull dritt li tmexxi lit-truppi tagħha fejn trid ġewwa pajjiżha. 

Minkejja li waqt din it-telefonata ż-żewġ naħat għamlu numru ta’ twissijiet fil-konfront ta’ xulxin, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Yuri Ushakov qal mal-ġurnalisti li Putin huwa “kuntent” bit-taħdita. Huwa tenna li din ħolqot bażi soda għal iktar diskussonijiet fil-futur. Min-naħa l-oħra, uffiċjal Amerikan li tkellem b’mod unanimu qal li t-ton ta’ din it-telefonata kien wieħed “serju u sostantiv”. L-uffiċjali Russi u dawk Amerikani se jkunu qegħdin jiltaqgħu għal diskussjonijiet ġewwa Ġinevra matul dan ix-xahar. Il-White House qalet li Biden qiegħed iħeġġeġ lill-uffiċjali Russi biex jagħżlu s-soluzzjoni diplomatika.   

Sport