Monday, May 13, 2024

Kollox lest għall-final tal-BOV Tazza Kbira

Aqra wkoll

In-numri li se jiddeterminaw il-pożizzjoni tat-tluq wara l-karozza tal-finali tal-BOV Tazza l-Kbira ttellgħu fil-preżenza tas-sidien taż-żwiemel finalisti waqt konferenza stampa organizzata mill-Malta Equidrome b’kollaborazzjoni mal-isponsors Bank of Valletta.

Din il-finali tal-aktar unur prestiġjuż fil-qasam tat-trott lokali, l-BOV Tazza l-Kbira, se ssir nhar il-Ħadd 21 ta’ April matul id-19-il laqgħa tal-istaġun.

Fost it-tnax-il finalist insibu lil Crack Money li se jkun qed jipprova jirbaħ dan l-unur għat-tieni sena konsekuttiva filwaqt li l-ħdax l-oħra kollha se jkunu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba fil-finali.

Il-konferenza stampa kienet indirizzata mill-Kap tad-Dipartiment CSR fi ħdan il-Bank of Valletta Charles Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Equidrome Matthew Brincat u l-Viċi Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele.

L-Avukat Brincat irringrazzja lill-BOV li għal darb’oħra kienu estendew il-kollaborazzjoni tagħhom fit-Tazza l-Kbira fejn kull sid u ġerrej jaspira li jnaqqax ismu fuq dan it-trofej prestiġjuż. “Aħna ninsabu ċerti li l-finali ta’ din is-sena se tkun qed toffri spettaklu lil dawk kollha preżenti dakinhar il-Malta Equidrome. Nieħu din l-opportunità sabiex nawgura lill-finalisti u ninsab ħerqan li nassisti għal din il-finali”, temm jgħid Brincat.

Minn naħa tiegħu, l-viċi Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele, ingħaqad mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome biex ukoll jirringrazzja lill-BOV tas-sostenn sena wara sena li qed jagħtu lit-tiġrijiet taż-żwiemel. Huwa bħal dejjem appella lis-sidien u l-ġerrejja sabiex ma jħallux l-emozzjonijiet u l-entużjażmu jiġru bihom u speċjalment lill-ġerrejja sabiex jikkontrollaw ruħhom u filwaqt li jagħmlu l-aħjar tiġrija biż-żiemel tagħhom josservaw ir-regoli u jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ kulħadd.

“L-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza l-Kbira se ssir eżatt 50 sena u xahar minn dakinhar li l-Bank of Valletta fetaħ għall-ewwel darba l-bibien tiegħu fl-1974. It-tiġrijiet taż-żwiemel huma segwieti b’passjoni ġenwina u bħala Bank Malti li nappoġġjaw din it-tiġrija prestiġjuża hija parti mill-impenn tagħna li nkunu ċittadini attivi fil-komunità Maltija”, qal Charles Azzopardi. “Nieħdu din l-opportunità biex nawguraw lill-finalisti u bħala entità ewlenija li tappoġġja inizjattivi sportivi f’Malta nistennew b’antiċipazzjoni dan l-ispettaklu.”

Apparti l-finali, nhar il-21 t’April se jkun hemm spettaklu sħiħ inkluż wirja ta’ karozzi bil-parteċipazzjoni tal-Classic Sports Cars Club Malta li se jkunu wkoll qed iwasslu lis-sidien u sewwieqa fil-parata ta’ preżentazzjoni.

Din il-kompetizzjoni għandha d-distanza tradizzjonali ta’ 2640m u l-finalisti se jkunu qed jippruvaw itejbu l-aħjar ħin ta’ din il-finali dak ta’ 1’13”5 irreġistrat minn Charming Soldier fl-2022 fejn ukoll dan iż-żiemel se jkun qed imexxi l-parata taż-żwiemel finalisti. Wieħed però irid jinnota li l-aqwa ħin qatt irreġistrat f’din il-kompetizzjoni kien propju nhar il-Ħadd fejn fl-ewwel semi finali Velvet Gio irreġistra 1’13”3 filwaqt li r-rekord lokali fuq id-distanza huwa attribwit lil Crack Money u huwa ta’ 1’13”0.

Is-sid rebbieħ barra li se jkun qed jerfa’ t-Tazza l-Kbira li ġiet inawgurata 90 sena ilu, se jkun qed jirċievi trofew maħdum apposta li jikkommemora dan l-anniversarju kif ukoll għata ta’ tifkira u €5000 fi premju hekk kif għal darb’oħra dan ġie miżjud biex ikun l-ogħla premju tal-istaġun. Trofej simili se jkunu wkoll qed jitqassmu lil dawk li jispiċċaw mit-tieni sal-ħames post.

Kull sid u sewwieq finalist se jkun qed jirċievi wkoll tifkira personalizzata ta’ parteċipazzjoni filwaqt li matul is-solita attività soċjali li ssir qabel il-finali jirċievu numru u għotjien sabiex jintużaw waqt il-parata u wara jinżammu bħala tifkira.

Sport