Friday, April 19, 2024

KOLLOX SAR IDUR MAL-POLITIKA TAS-SUQ

Aqra wkoll

Kollox sar iddominat mill-politika tas-suq. Jekk tara x’qed jiġri fil-pajjiż Ewropej u pajjiżi oħra madwar id-dinja kollox hu marbut mal-politika tas-suq. F’kull ma qed isir, il-konsiderazzjoni qed tkun il-politika tas-suq. Donnu l-interessi umani, il-kundizzjonijiet tan-nies, il-mod kif jitħaddmu l-ħaddiema saru sekondarji biex ikun akkomodat is-suq. Ovvjament għax dan ifisser profitti u qliegħ ta’ flus. 

Il-politika li qed issir illum għalkemm tkun tidher li qed tiġġieled l-inugwaljanza, fil-fatt qed toħloq ħafna inugwaljanzi. Dan hu ġej minħabba l-politika tan-neo liberaliżmu. F’din il-politika is-suq sar aktar importanti mill-bniedem.

Nemmnu li n-neo liberaliżmu wassal  biex dgħajjef il-libertajiet ekonomiċi u politiċi. Ħolqot inġustizzja fejn jidħlu l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi.

In-neo liberaliżmu għandu għan wieħed. Dan li l-gvernijiet ma jibqgħux b’kollox f’idejhom. Iwarrbu aktar lejn il-ġenb. Meta jiġri dan, anke l-poplu jispiċċa fil-ġenb. Imbagħad ikunu il-korporazzjonijiet il-kbar li jidħlu aktar fis-suq. Jikkontrollaw kollox, mhux biss fejn jidħol negozji u kummerċ imma anke fejn jidħol it-tfassil ta’ politika.

Jekk nagħtu ħarsa  lejn l-Ewropa naraw li din ippromwoviet l-liberalizazzjoni tal-ekonomija, kummerċ ħieles, globalizazzjoni, deregulazzjoni, tnaqqis fl-infieq tal-gvern  u fuq kollox li żżid u tkabbar ir-rwol tas-settur privat.

X’ġara? Interessi privati tgħoddhom fuq id waħda li qed ikunu imħollija li jikkontrollaw kemm jista’ jkun u dan għal raġuni waħda, biex ikomplu ikabbru l-profitti.

Il-konsegwenzi ekonomiċi minn neo liberaliżmu huma l-istess kullimkien. Ma tagħmilx differenza f’liema pajjiż qiegħed. Illum qed naraw biċ-ċar li n-neo liberaliżmu wassal għal żieda qawwija fl-inugwaljanza soċjali u ekonomika. Mhux hekk biss imm pajjiżi fqar u ċ-ċittadini tagħhom komplew jintefgħu lura, hekk kif kumpaniji kbar ħatfu kollox f’idejhom.

M’hemmx dubju li n-neo liberaliżmu qed joħloq straġi fl-ambjent. Tniġġis. Teħid ta’ art. Qerda ta’ foresti. Bini bla rażan, fejn dan qed ikomplu jieħu dejjem aktar art. Kumpaniji li jieħdu kollox huma f’dak li hu xiri pubbliku.

In-neo liberaliżmu żied bi kbir l-inugwaljanza. Ħafna nies spiċċaw fir-riskju ta’ faqar. Oħrajn spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Oħrajn ftaqru. Dan ġara għax il-poter u l-ġid spiċċa f’idejn kumpaniji kbar li aktar ma jdaħħlu, aktar iridu.  L-għan tagħhom hu biss li jkabbru l-profitti. Ir-riżultat imbagħad hu anke l-qasam tax-xogħol ġie affettwat.  Daħal u qed ikompli jiżdied il-prekarjat. Iddaħħlu iz-zero hours contract u tnaqqru l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

M’hemmx dubju li b’din it-tip ta’ politika id-diviżjonijiet fis-soċjetà se jkomplu jikbru. Nemmnu  li b’din il-politika il-prekarjat se jkompli jiżdied. Il-prekarjat illum insibuh kullimkien. Dan il-fenomenu qed jieħu ukoll forom oħra. 

Sport