F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħabbru l-benefiċjarji tal-iskema tal-Animal Welfare Fund.
Din l-iskema hija xhieda tal-impenn tal-Gvern favur il-ħarsien tal-annimali. B’investiment ta’ €85,000, din l-iskema għandha l-għan li tgħin finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-annimali fir-rigward ta’ spejjeż għall-provvisti mediċinali, ikel, kura u t-trattament tal-annimali, edukazzjoni fuq riċerka u kura, u servizzi ta’ rehoming. B’kollox ibbenefikaw total ta’ 15-il applikant.
L-organizzazzjonijiet mhux governattivi setgħu japplikaw għall-fondi biex jorganizzaw workshops u seminars edukattivi, u kampanji biex jiżdied l-għarfien dwar is-suġġett, għal spejjeż għall-ikel u għall-kura u t-trattament tal-annimali, kif ukoll għal taħriġ dwar servizzi ta’ rehoming, u għal spejjeż relatati ma’ trasport f’każ ta’ rehoming.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo spjega kif it-trattament xieraq tal-annimali jmur lil hinn mill-proċess ta’ regolamentazzjoni, u jinkludi wkoll l-edukazzjoni u l-kollaborazzjoni li huma vitali għal dan is-settur. “Illum qed naraw kif ħmistax-il għaqda non-governattiva, ser jibdew proġetti relatati mal-edukazzjoni, il-kura diretta tal-annimali, u l-proċessi ta’ rehoming. B’dan il-fond qed ngħinu direttament lil dawk l-organizzazzjonijiet li jagħmlu differenza kbira fis-soċjetà tagħna, u li bl-impenn tagħhom, jagħtu vuċi lill-annimali.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said enfasizzat dwar l-importanza li din l-iskema għandha biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma favur il-ħarsien tal-annimali. “Dan l-investiment huwa xhieda tal-impenn li għandna bħala Gvern sabiex inkomplu nappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-ġid tal-annimali. Permezz ta’ din l-iskema, qed nagħtu għajnuna diretta għal inizjattivi edukattivi, trattamenti mediċi, u servizzi ta’ rehoming.”
Id-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali, Joseph John Vella, spjega li kull organizzazzjoni setgħet tibbenifika sa massimu €8,000. L-għajnuna finanzjarja ingħatat fuq 80% tat-total tal-proġett li jrid jitlesta fi żmien sena mill-iffirmar tal-kuntratt.
Din l-iskema kienet miftuħa għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu b’mod volontarju u mhux bi profitt favur il-ħarsien tal-annimali. Dawn riedu jkunu reġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.