Wednesday, November 11, 2026
Home Sport Kontinwità, investiment u fiduċja fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin, sabiex il-football Malti u Għawdxi...

Kontinwità, investiment u fiduċja fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin, sabiex il-football Malti u Għawdxi jkompli jikber u jilħaq livelli ogħla – Bjorn Vassallo (President tal-Malta FA)

0
57

Minn Cristian Muscat

Ir-riforma fis-settur tal-grassroots, il-ħidma teknika tal-Malta Football Association u l-futur tal-football Malti kienu fost is-suġġetti ewlenin li dwarhom tkellem il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, waqt intervista ma’ dan is-sit wara t-tielet Assemblea Ġenerali Ordinarja tal-Assoċjazzjoni li saret, it-Tlieta fis-Centenary Hall, f’Ta’ Qali.

Is-Sur Vassallo ddeskriva l-preżentazzjoni tar-riforma GoPRO bħala waħda estensiva, li permezz tagħha l-Assoċjazzjoni tat informazzjoni dettaljata dwar il-bidliet li qed tipproponi għall-football taż-żgħażagħ.

Huwa sostna li din hija riforma meħtieġa, partikolarment meta wieħed iqis li għaddew diversi snin mill-aħħar bidliet sostanzjali li ġew introdotti f’dan is-settur.

“Din kienet preżentazzjoni voluminuża kif sejjaħtilha jien, b’ħafna informazzjoni u dettalji. Qed nitkellmu dwar riforma bżonjuża ħafna għas-settur tal-grassroots, li rridu nkomplu niżviluppawha permezz tal-konsultazzjoni u l-approvazzjonijiet neċessarji,” spjega l-President tal-MFA.

Huwa qal li l-Assoċjazzjoni trid turi kuraġġ biex tieħu deċiżjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza fil-futur tal-football Malti.

Is-Sur Vassallo spjega li l-GoPRO hija mibnija fuq tliet aspetti fundamentali: aktar ħin ta’ logħob għaż-żgħażagħ, aktar players li jibqgħu involuti fil-football u aktar għażliet għall-iżvilupp tagħhom.

L-għan huwa li tinħoloq struttura li takkumpanja lill-players mill-ewwel darba li jmissu l-ballun sal-ogħla livelli tal-football.

“Irridu li ż-żgħażagħ tagħna jilagħbu aktar, li jkollna aktar players li jibqgħu fil-football u li noffrulhom aktar għażliet. Irridu noħolqu perkors mill-ewwel daqqiet ta’ ballun sal-elite tal-football tagħna,” sostna l-President tal-MFA.

Huwa enfasizza li r-riforma mhijiex biss dwar il-kompetizzjonijiet, iżda dwar il-mod kif il-football Malti għandu jipprepara lill-ġenerazzjonijiet futuri.

F’dan il-kuntest, il-President spjega li l-Assoċjazzjoni wettqet reviżjoni tal-proġetti tekniċi li ġew implimentati matul l-aħħar snin.

Din l-analiżi serviet biex jiġi evalwat x’inkiseb, fejn tinsab illum l-Assoċjazzjoni u x’direzzjoni għandha tieħu fil-futur.

Aspett importanti li s-Sur Vassallo enfasizza kien il-ħtieġa li kull player jingħata l-opportunità jiżviluppa l-kapaċitajiet individwali tiegħu.

Huwa sostna li, għalkemm il-football huwa sport kollettiv, l-iżvilupp tal-individwu m’għandux jintilef fil-proċess.

“Fil-fażi tal-iżvilupp taż-żgħażagħ, huwa importanti li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ kull individwu,” qal is-Sur Vassallo fid-diskors tiegħu.

Il-President spjega li l-players għandhom jitgħallmu jaħdmu bħala team, iżda fl-istess ħin għandhom jingħataw il-libertà jesprimu l-kreattività u l-kwalitajiet personali tagħhom.

Huwa semma wkoll l-importanza ta’ taħriġ adegwat għall-coaches, li għandhom rwol fundamentali fil-formazzjoni tal-players.

Il-kurrikulu nazzjonali ġdid, li huwa parti mir-riforma proposta, għandu jgħin biex jinħolqu standards aktar ċari fil-metodoloġija tat-taħriġ u fl-iżvilupp tal-football taż-żgħażagħ.

Vassallo tkellem ukoll dwar l-investiment li l-MFA qed tagħmel fil-proġetti tekniċi, fl-assistenza lill-clubs u fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet domestiċi.

Huwa spjega li parti sostanzjali mill-infiq tal-Assoċjazzjoni hija ddedikata direttament għal dawn l-oqsma, għaliex il-prijorità għandha tibqa’ l-logħba nnifisha.

“L-attenzjoni speċifika għandha tkun fuq il-logħba u xejn aktar,” sostna s-Sur Vassallo, filwaqt li ddeskriva lill-Assoċjazzjoni bħala struttura li għandha tipproduċi u tiżviluppa t-talent.

Il-President saħaq li l-progress miksub ma jfissirx li l-ħidma għandha tieqaf.

Għall-kuntrarju, huwa jemmen li l-MFA għandha tkompli tikkonsolida dak li nkiseb u tespandi l-programmi tagħha.

Dan jista’ jsir permezz ta’ aktar investiment, infrastruttura ta’ kwalità, kollaborazzjoni internazzjonali u ħidma konġunta mal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri.

L-AĦĦAR MANDAT TAL-PRESIDENT VASSALLO

Matul l-intervista, is-Sur Vassallo tkellem ukoll dwar il-fatt li jinsab fl-aħħar mandat tiegħu bħala President tal-Malta Football Association.

Huwa esprima fiduċja li l-Assoċjazzjoni tinsab f’pożizzjoni soda biex tkompli timxi ’l quddiem anke taħt tmexxija ġdida.

“L-MFA tal-lum tinsab fuq sisien sodi, għandha fejn tkompli tagħmel progress u tespandi,” sostna Vassallo.

Huwa rrikonoxxa li fil-futur se jkun hemm persuni oħra li jieħdu postu, b’ideat ġodda u enerġija differenti.

Il-President wera fiduċja li din il-bidla tista’ tkun opportunità oħra biex il-football Malti jkompli jiżviluppa.

Fl-istess ħin, indika li se jibqa’ disponibbli biex jikkonsulta u jagħti l-kontribut tiegħu fejn ikun meħtieġ, sabiex il-ħidma li nbdiet tkun tista’ titkompla.

DWAR IT-TEAM NAZZJONALI …

Dwar it-team nazzjonali Malti, is-Sur Vassallo tkellem fuq l-importanza tal-impenji kontra l-Eswatini u Ġibiltà.

Huwa sostna li l-Assoċjazzjoni qed tistenna konsistenza fil-prestazzjonijiet u fir-riżultati, sabiex it-tim ikompli jibni fuq dak li kiseb s’issa.

L-għan ewlieni jibqa’ li Malta tispiċċa fl-ewwel post tal-grupp tagħha, b’Vassallo jirreferi wkoll għall-possibbiltajiet marbuta mal-play-offs għall-Kampjonat Ewropew tal-2028.

Il-President enfasizza li l-progress tat-team nazzjonali għandu jkun parti minn viżjoni usa’ li tinkludi wkoll l-iżvilupp tal-players żgħażagħ.

Fl-għeluq tal-intervista, Is-Sur Vassallo tenna li l-ħidma mwettqa matul l-aħħar snin għandha tagħti lill-MFA l-kuraġġ biex tkompli tieħu deċiżjonijiet importanti.

Huwa jemmen li r-riformi li qed jiġu proposti llum għandhom iħallu benefiċċji fit-tul, anke għal dawk li fil-futur se jkunu responsabbli mit-tmexxija tal-football Malti.

Għalih, is-suċċess tal-Assoċjazzjoni jiddependi mill-kollaborazzjoni bejn il-membri, il-professjonisti u l-imsieħba kollha tal-logħba.

Il-messaġġ tiegħu kien wieħed ta’ kontinwità, investiment u fiduċja fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin, sabiex il-football Malti u Għawdxi jkompli jikber u jilħaq livelli ogħla.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here