Sunday, December 22, 2024

KONTROLL TERRITORJALI

Aqra wkoll

Wara l-gideb u l-misinformazzjoni li baqa’ joħroġ il-gvern Russu minn kif żviluppat l-invażjoni tal-Ukrajna li nieda, wieħed bilfors ikollu jasal għall-konklużjoni li l-għan wara l-gwerra hu li r-Russja tieħu kontroll territorjali tal-Ukrajna, billi din issir parti minnha. 

Matul is-sekli, il-gwerer fl-Ewropa seħħew fuq din il-bażi – ta’ konkwista ta’ territorju. Imma dil-konkwista għadha tagħmel sens fi-dinja tal-lum? Wara li tkun seħħet, trid iż-żamma ta’ forzi kbar ta’ ripressjoni fiżika fuq l-artijiet u l-popli mirbuħa. Dan idgħajjef il-potenzjal tal-ħakkiema biex isostnu lil pajjiżhom fil-quddiem tal-progress tekniku li jkun għaddej mal-bqija ta-dinja. 

U hemm mezzi oħra, ħafna aktar sofistikati u effettivi minn kontrol fiżiku biex bihom tiżgura li l-popli tal-art mirbuħa se jappoġġjaw lill-potenza li tixtieq taħkimhom. 

Il-konkwista ta’ art “barranija” tista’ tidher bir-raġun bħala għan anakroniku f’dinja globalizzata. Il-formoli tal-imgħoddi mhux bilfors jgħoddu għal żminijietna.

***

L-UNJONI SOVJETIKA U R-RUSSJA

Issa jekk bil-konkwista tal-Ukrajna l-President tar-Russja qed jimmira li jerġa’ joħloq Russja bħal ma kienet fi żmien is-Sovjetiċi u t-tsarijiet, iridu jitqiesu wkoll konsiderazzjonijiet mhux sempliċi. Qed nitkellmu dwar Russja li tifrex lil hinn mill-Urali u “taħthom”. F’dil-medda, taħkem numru kbir ta’ ġnus mill-Ewropa u mill-Asja.

Fi żmien is-Sovjetiċi dan twettaq b’sistema federattiva (jekk mhux federali) u f’isem ideoloġija komunista li tiċħad is-suq ħieles. Ma kinitx ibbażata fuq etniċità, anke fl-awtoritarjaniżmu tagħha. Stalin ma kienx Russu. 

Ir-Russja tal-lum mhijiex komunista. Donnha trid terġa’ ddaħħal fis-seħħ il-kunċett ta’ imperu fejn popli oħrajn iridu jaċċettaw il-ħakma fuqhom tal-poplu Russu. Stat Russu ta’ dat-tip jkun rigress fuq l-istrutturi tal-Unjoni Sovjetika.

***

TAGĦMEL IS-SOMOM?

Karatteristika tal-kampanja elettorali tal-aħħar ġimgħat kienet in-numru ta’ wegħdi li saru. Dejjem kellna wegħdi fil-kampanja ta’ żminijiet oħra. Imma donnu li r-rankatura tagħhom tqawwiet sew.

Wieħed jinnota wkoll kif kull min qed jagħmel il-wegħdi jibqa’ lura milli jgħid kif se jiffinanzjahom. Din mhix ħaġa żgħira. Kollox għandu l-prezz tiegħu, li jrid jitħallas. B’xi mod jew ieħor, dal-prezz jitħallas mit-taxxi tal-poplu.

Ftit donnhom jinteressahom ikunu jafu kemm jiswew il-wegħdi li qed isiru. Fil-prattika politika ta’ pajjiżi oħra, ġeneralment ma’ proġett ta’ wegħdi jitpoġġew stimi ta’ kemm se jiġi jqum u kif se jiġi finanzjat. Il-polemika tqum imbagħad dwar kemm huma realistiċi l-istimi u l-appoġġi finanzjari proposti.

Tinħass bħala diskussjoni teknika aktar milli politika… Naraha tagħmel sens. Għax inkella, kif jiġri Malta, kull ħaġa li tista’ ssir taħt ix-xemx biex taġevola l-ħajja titpoġġa quddiem il-poplu bħala fatta… jekk tivvota b’ċertu mod. 

Ekonomija

Sport