Saturday, October 5, 2024

Koppja Spanjola arrestata wara li nqabdu jipprovaw idaħħlu mal-14kgs kannabis mill-Ajruport

Aqra wkoll

Koppja Spanjola lbieraħ ġiet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li nqabdet iġġorr mal-14-il kilogramma kannabis. Il-koppja waslet Malta abbord titjira li telqet mill-belt ta’ Seville.

Wara li ġabru l-bagalji tagħhom, uffiċjali tad-Dwana qalu lill-koppja biex ipoġġu l-bagalji għal scan ta’ rutina. Kien f’dan il-proċess li rriżultaw l-oġġetti suspettużi fil-bagalji, u minn tiftix ulterjuri ġew elevati 13-il pakkett, li sebgħa minnhom kienu jiżnu 7.6kgs, u sitta oħrajn li kienu jiżnu 6.35kgs.

Il-kontenut fil-pakkett irriżulta li kien pożittiv għad-droga kannabis.

Instab ukoll pakkett żgħir li kellu trab abjad li rriżulta pożittiv għad-droga kokaina.

B’rabta ma’ dan il-każ kien informat il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li tinfetaħ inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.

Il-koppja mistennija li titressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Sport