Friday, December 13, 2024

Kriżi politika fil-Ġermanja wara li ġġarrfet il-koalizzjoni fil-gvern

Aqra wkoll

Il-Ġermanja daħlet fi kriżi politika wara li l-koalizzjoni ta’ partiti li qed tiggverna fil-pajjiż iġġarfet wara li l-Kanċillier Olaf Scholz keċċa lill-Ministru tal-Finanzi Christian Lindner, li jmexxi partit rivali li kien parti mill-koalizzjoni flimkien mas-Soċjal Demokratiċi u l-Ħodor.

Din il-mossa tfisser li l-gvern ta’ Scholz m’għadx għandu maġġoranza parlamentari. Huwa iżda ħabbar li se jsejjaħ vot ta’ fiduċja fil-gvern tiegħu kmieni s-sena d-dieħla. Il-vot ta’ fiduċja jista’ jwassal għal elezzjonijiet bikrija sa Marzu 2025.

Il-koalizzjoni, hekk imsejħa “traffic light” immexxija mill-Kanċillier Scholz ilha tiggverna l-Ġermanja mill-2021. Iżda t-tensjonijiet interni kienu ilhom ibaqbqu għal ġimgħat sħaħ qabel ma splodew fil-beraħ nhar l-Erbgħa bil-lejl.

Il-kanċillier Scholz sostna li l-eks ministru tal-finanzi ittraddixxa l-fiduċja tiegħu u poġġa l-interessi tal-partit tiegħu fuq dawk tal-pajjiż. Żied jgħid li l-Ġermanja kellha bżonn turi li hi pajjiż li tista’ tiddependi fuqu partikolarment issa wara l-elezzjoni ta’ Donald Trump fl-Istati Uniti.

Wara t-tkeċċija tiegħu, Christian Lindner, li jmexxi l-FDP, akkuża lil Scholz li wassal lill-Ġermanja f’fażi ta’ inċertezza.

Il-kriżi fi ħdan il-koalizzjoni tefgħet lill-akbar ekonomija tal-Ewropa f’kaos politiku, sigħat wara l-elezzjoni ta’ Donald Trump u qanqlet inċertezza profonda dwar il-futur tal-ekonomija u s-sigurtà tal-kontinent Ewropew.

Meta l-koalizzjoni bejn is-Soċjal Demokratiċi taċ-ċentru-xellug tal-Kanċillier Scholz, il-Ħodor ambjentalisti, u l-liberali tal-FDP ġiet iffurmata fl-2021, kull partit ippjana li jonfoq bil-kbir biex imexxi l-interessi ċentrali individwali tiegħu stess.

Madankollu, l-invażjoni sħiħa tar-Russja tal-Ukrajna fl-2022 li wasslet biex jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija wasslet ukoll  lill-Ġermanja tiffaċċja żieda fl-infiq tad-difiża u l-ispiża biex jittieħdu 1.5 miljun refuġjat Ukrajn. Il-Ġermanja issa qed tiffaċċja t-tieni sena mingħajr tkabbir ekonomiku.

Scholz u l-imsieħba tiegħu, il-Ħodor, iridu jindirizzaw dan billi jemendaw ir-regoli kostituzzjonali dwar id-dejn pubbliku biex jippermettu aktar infiq. L-eks Ministru tal-Finanzi Lindner ried tnaqqis tat-taxxa jkun iffinanzjat minn tnaqqis fil-baġits soċjali u l-benesseri u ried ukoll politika li timbotta lura l-miri ambjentali.

Il-Ministru tal-Ekonomija Robert Habeck, mill-grupp tal-Ħodor, qal li l-partit mhux se jitlaq mill-gvern u li l-ministri tiegħu se jibqgħu fil-kariga.

Il-vot ta’ fiduċja fil-parlament tal-Ġermanja, il-Bundestag, huwa mistenni li jittieħed fil-15 ta’ Jannar li ġej. Jekk il-Membri Parlamentari jivvutaw kontra l-gvern, il-pajjiż ikollu jmur għal elezzjonijiet ġodda fi żmien ġimgħat, minflok id-data skedata f’Settembru.

Ekonomija

Sport