Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi lejn l-isports toħodni lura l-aktar meta bdiet minn missieri, għax meta konna żgħar jien u ħija konna mmorru miegħu jitħarreġ għax hu wkoll kien jilgħab il-waterpolo, u aħna konna nilagħbu u nitħarrġu wkoll waqt li hu jkun qiegħed fil-pixxina. Meta kbirt kont komplejt immur nara lil missieri f’dan l-isports, u minn hemm ’il quddiem bdejt nitħarreġ jiena u komplejt dejjem aktar nikber f’din l-imħabba lejn dan l-isports.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġiljan ASC sa issa.
L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġiljan ASC sa issa nista’ ngħid kienet tajba ħafna. L-ewwel żewġ staġuni li mort ma’ San Ġiljan ħadna d-double darbtjen wara xulxin u t-tieni sena rbaħna l-Kampjonat tax-Xitwa u wkoll 11-il tazza, u dan wara xulxin, xi ħaġa li qatt ma kienet ġrat Malta, u l-aħħar staġun konna wasalna fil-finali imma konna spiċċajna t-tieni, għax kellna xi problemi fil-klabbs li affetwawna bħala tim, imma bqajna nippruvaw u nagħmlu l-almu tagħna sal-aħħar.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għas-sajf li ġej?
Aħna bħala klabb kull sena nippruvaw nġibu l-ogħla unuri kemm nistgħu u din is-sena qed nibqgħu nippruvaw biex nerġgħu kif ħaqqna nerbħu u niġu l-ewwel u issa naraw xi jkun ir-riżultat tagħna fl-aħħar tal-istaġun.
Kif tqis il-livell tal waterpolo Malti fil-preżent?
Il-livell tal-waterpolo f’Malta preżenti nemmen li mhux ħażin qiegħed iżda hemm lok għal titjib, imma kulħadd illum sar jitħarreġ aktar, u nsib li għandna ħafna kowċis barranin, imma naħseb qabel kienet ħafna aktar diffiċli biex tilgħab mal-kbar ta’ Malta milli issa, issa hemm ħafna plejers kbar li qed jilagħbu anke mat-timijiet tal-kbar, imma qabel ma kinitx hekk is-sitwazzjoni.
U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Bħala riżorsi nħoss li Malta naqra limitati, fejn jidħlu l-pixxina, u issa fetħu anke l-Kottonera mhux ħażin, imma bħala taħriġ u l-ħin allokat għat-taħriġ inħoss li siegħa u kwart ma tantx tista’ titħarreġ sew u mhux biżżejjed għax huwa ħin qasir, iżda fejn jidħlu pixxina naħseb jiena għandna bżonn aktar pixxini, u ngħinu lill-klabbs f’dan biex ikun hemm aktar pixxini fejn nistgħu nitħarrġu, eżempju San Ġiljan m’għandniex pixxina, imma li kieku għandna pixxina għalina nkunu nistgħu nitħarrġu aħjar u jkollna aktar ħin għalina, imma nemmen li mexjin bil-mod il-mod.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Il-futur tiegħi fil-waterpolo nara li hemm bżonn li nitjieb ma’ kull sena li tgħaddi, bħalma naħseb u nittama li għamilt. Qed nipprova li bħala plejer nikber, inkompli nitħarreġ sew imma mbagħad naraw x’jista’ jiġri aktar fil-logħob.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil waterpolo.
Il-messaġġ finali tiegħi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil waterpolo, kemm dawk tfal u anke żgħażagħ, hu li kull min irid jagħmel suċċess, u dan fi kwalunkè sports, irid jitħarreġ sew, u ladarba tinqala’ opportunità biex wieħed imur barra minn xtutna jitħarreġ u anke jilgħab, għandu jieħu din l-opportunità u jmur barra minn xtutna, imma Malta bħalissa bil-kowċis li qed inġibu hemm livell ogħla ta’ taħriġ meta kkumparat ma’ qabel, għalhekk Malta jekk wieħed jagħmel l-almu tiegħu jista’ jasal ukoll, jiġifieri jiddependi mill-individwu kemm jitħarreġ sew u wkoll li dejjem titfa’ moħħok hemm.