Wednesday, July 24, 2024

KULL QATRA TGĦODD

Aqra wkoll

F’perjodu qasir ta’ ftit ġranet il-ħaddiema, il-familji u l-vulnerabbli Maltin irċevew għajnuniet finanzjarji mill-Gvern li l-għan warajhom huwa li tkun ippremjata l-bżulija kif ukoll jonqos minn fuqhom il-piż tal-għoli tal-ħajja. Piż li, kif nafu, qiegħed iwassal biex għadd ta’ familji mhumiex iwasslu sal-aħħar tax-xahar bil-paga li jaqilgħu.

Kull qatra tgħodd u dan b’mod speċjali proprju għal dawk il-persuni li jinsabu fil-faxxa t’isfel tas-soċjetà. Din l-għajnuna f’ċekkijiet derivati minn tnaqqis fit-taxxa kif ukoll il-benefiċċju addizzjonali għall-ogħli tal-ħajja, hija xhieda ta’ kemm il-Gvern qiegħed jgħin lil poplu Malti u Għawdxi f’dawn iż-żminijiet diffiċli fuq livell internazzjonali.

Minkejja l-isfidi li ġew fuq pajjiżna minħabba instabbiltà ekonomika dinjija, tajjeb li naċċennaw għall-fatt li din is-sena pajjiżna se jerġa’ jkollu l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.

Dan ir-riżultat pożittiv ħafna ta’ min jirrikonoxxih. Infakkru li dan huwa kuntrast qawwi meta mqabbel ma’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti li fi żmienhom, il-Kummissjoni Ewropea kient tbassar deficit wara ieħor fl-ekonomija ta’ Malta. Dan minnu nnifsu juri kemm is-saħħa, l-intelliġenza u l-għaqal ta’ Gvern Laburista mhux biss tikkwantifika f’ġid għall-familji tagħna, imma f’ġid nazzjonali li jpoġġina fuq quddiemnett fost il-membri tal-blokk Ewropew.

L-għajnuna mill-Gvern Laburista lill-familji Maltin mhix biss limitata għal dawn l-aħħar żewġ għajnuniet li qegħdin insemmu. Biss biss, f’dawn l-aħħar snin taħt Gvern Laburista gawdew bil-kbir l-anzjani tagħna bl-akbar żidiet li qatt ingħataw fil-pensjonijiet.

Gawdew il-familji b’żidiet fiċ-children’s allowance u ċentri tat-tfal b’xejn. Gawdew ukoll il-persuni b’diżabilità, kif ukoll il-poplu b’mod ġenerali bis-sussidji fil-kontijiet tal-enerġija u tal-ikel. Dan meta f’pajjiżi madwarna jħallsu kontijiet tal-enerġija 40% ogħla mill-2013 mentri f’Malta ċ-ċittadini qegħdin iħalsu prezz ta’ 25% orħos.

Fejn jidħol l-ikel, l-iskema “Stabbiltà” tat nifs fix-xiri ta’ prodotti essenzjali li kull wieħed u waħda minnha għandna bżonn. Dawn huma fost l-investimenti kbar li saru u għadhom isiru mill-Gvern preżenti. Gvern li dejjem kien għall-poplu. Gvern li għażel li jġorr il-piż għax jifhem u jħoss il-polz tal-poplu tiegħu.

Kull qatra tgħodd u meta wieħed jara dawn l-għajnuniet kollha, jinduna li qatra wara l-oħra qiegħda timtela’ l-ġarra. Timtela’ l-ġarra tal-familji Maltin u Għawdxin għal għixien xieraq.

Huwa proprju għalhekk li nħeġġu li jkomplu dawn l-għajnuniet statali. Huwa biss b’dan l-investiment fil-poplu li jiggarantixxi li pajjiżna jkun verament b’saħħtu. Pajjiż, li diġà wera li huwa kapaċi jiffaċċja sfidi internazzjonali u jħabbatha ma’ oħrajn ferm akbar u b’saħħithom ekonomikament minnu.

In-numri, il-fatti u għajnuniet fattwali ma jigdbux. Għaldaqstant, ħadd ma jista’ jmerihom u wisq aktar ħadd ma jista’ jikkritikahom b’għan politku partiġġjan.

Ekonomija

Sport