Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
L-imħabba tiegħi lejn il-Hyrox bdiet meta kont għaddej minn żmien diffiċli u ridt insib xi ħaġa fejn niżvoga, u l-kowċ tiegħi ta’ dak iż-żmien kien issuġġerieli biex nibda nittrenja dan l-isport, kważi sentejn ilu. Minn dakinhar ‘l hawn ma nistax nimmaġina li nieqaf nittrenja għax dan l-isport sar parti minn ħajti. Il-hyrox għenni ħafna mentalment.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Meta għamilna tellieqa jien u sieħbi Marlon Briffa ġewwa Koln il-Ġermanja u kkwalifikajna għall-Kampjonati tad-Dinja ġewwa Nice fi Franza. It-tellieqa ta’ Nice naħseb li kienet l-isbaħ esperjenza li qatt għamilt f’ħajti għax irrapreżentajt lill-art twelidi li minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi fl-isport.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell f’sena għamel qabża u avvanz kbir, u qed jogħla ħafna fejn atleti Maltin qed jiksbu ħinijiet tajbin barra minn pajjiżna.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Bħala taħriġ, naħseb li kull klabb sar jinvesti fil-hyrox. Fejn kont nittrenja qabel u fejn qiegħed issa, huma gyms attrezzati tajjeb. Id-differenza hi t-tip ta’ taħriġ li joffrilek il-kowċ. Bħala kompetizzjonijiet, naħseb li huma organizzati sew imma forsi hemm xi affarijiet li jistgħu jitjiebu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
Il-futur tiegħi fil-hyrox hu li ovvjament nibqa’ nittrenja sakemm nista’ għax bħala taħriġ inġenerali mhux hyrox biss isir. Dan għax il-hyrox huwa sport li jinkludi wkoll il-ġiri u ‘strength training’, li dawn minn dejjem kienu jogħġbuni. u li nibqa’ nikkompeti barra minn pajjżzna u ngħolli l-livell tiegħi personali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-messaġġ tiegħi huwa li kull suċċess jibda minn passi żgħar … emmen fik innifsek u taqta’ qalbek qatt!