Wednesday, April 24, 2024

Kumitat ġdid għall-artisti tax-xandir, tal-films u teatru

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu ġie iffurmat kumitat ġdid li jiġbor fih diversi artisti li jieħdu sehem fi produzzjonijiet lokali. Il-kumitat imsejjaħ Broadcasting, Film and Stage Sectors se jkun qed jiġi rrappreżentat minn sebgħa min-nies u dawn huma Martin Bonnici, Joseph Zammit, Peter Galea, Anthony Mizzi, Michela Farrugia, Teodor Reljic u Kenneth Cassar. Huma se jkunu qed jaħdmu taħt l-awspiċi tal-General Workers Union fejn din tal-aħħar se tara li d-drittjiet ta’ diversi esponenti fil-qasam tal-films ikollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa. Dawn l-esponenti jinkludu film broadcasters, kittieba, stage effect producers, persuni li jaħdmu fil-qasam tal-make-up u ħafna oħrajn.

Skont Martin Bonnici dawn is-seba’ membri se jippruvaw jagħmlu d-differenza sabiex il-ħajja u l-ħidma ta’ kull min hu involut fil-produzzjonijiet lokali tkun apprezzata iktar, xi ħaġa li l-membri jixtiquha ħafna.

“Kienet ilha għaddejja din id-diskussjoni bejnietna sabiex inkunu rappreżentati f’unjin u naħseb li l-għażla tal-GWU kienet waħda tajba ħafna għax għandna struttura prattikament lesta.”

Bonnici qal li dan is-settur qed ikompli jikber dejjem aktar u kien hemm bżonn ta’ din id-deċiżjoni li se tara li d-drittijiet tal-atturi u dawk li jaħdmu magħhom ikunu salvagwardjati.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Bonnici qal li dan il-kumitat se jimxi fuq tliet binarji partikolari li jinkludu l-appoġġ lejn il-ħaddiema u għalhekk tonqos id-diskriminazzjoni u xogħol b’kundizzjonijiet ħżiena. It-tieni punt hu dak tar-riċerka lejn ir-realta’ attwali kif ukoll l-element ta’ liberalizazzjoni sabiex ikun hemm standarts li jiġu osservati. Kollox qed isir b’tali mod u manjiera sabiex l-industrija tal-films lokali tieħu spinta ‘l quddiem għax wara ħafna snin fejn ma kienx hemm regolamentazzjoni, dan kollu jseħħ fil-verità.

Peter Galea ilu attur għal dawn l-aħħar 20 sena fejn ħadem mhux biss fuq il-palk fit-teatru iżda wkoll fi produzzjonijiet televiżivi. Hu ssekonda ħafna mix-xewqat tal-atturi sħabu li jixtiequ li jkun hemm aktar opportunitajiet f’settur li minkejja kollox mhux qed jingħata l-valur li jistħoqqlu. 

“Ix-xewqa ta’ ħafna atturi bħali hi dik li huma jagħmlu l-għixien mill-produzzjonijiet fuq il-palk kif ukoll fuq it-televiżjoni. B’xorti ħażina, Malta għandha potenzjal kbir f’dan il-qasam iżda fl-istess waqt hemm ħafna limitazzjonijiet. Ħafna jqisuna li aħna dilettanti għalkemm nagħmlu minn kollox biex dak li noħolqu u nagħmlu jsir bl-aktar mod professjonali.”

Galea qal li bħala pajjiż hemm bżonn li ninqatgħu mill-element ta’ volontarjat u mmorru għal aktar professjonaliżmu li diġa jeżisti iżda ftit jiġi apprezzat. Hi biss il-mentalita’ tal-Maltin li trid tinbidel u tqis dan ix-xogħol bħala opportunita’ mhux biex tgħaddi ż-żmien. Fuq kollox li dan ix-xogħol isir karriera għal ħafna żgħażagħ li jagħmlu korsijiet impenjattivi ferm b’ċertifikati li jsiru barra minn xtutna.

Kemm Bonnici kif ukoll Galea saħqu dwar il-fatt li bħala membri tal-kumitat iridu jikkonvinċu lill-gvern li dan is-settur kapaċi jiżviluppa dejjem aktar u li x-xogħol tagħhom jiġi rikonoxxut aktar anke għax dejjem jingħata dik il-laqta professjonali min-naħa tagħhom. 

Huma jemmnu wkoll li bħalma ġara fil-passat, il-qasam tal-films kapaċi jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-pajjiż. Ix-xogħol li jsir hu kbir, ħafna minnu ma jidhirx u kif għedna ftit qed jiġi rikonoxxut. Huma qalu li din hi weġgħa kbira għalihom meta tqis li l-atturi, il-kittieba, il-produtturi, tal-make-up u ħaddiema oħra litteralment jagħtu qalbhom sabiex produzzjoni toħroġ suret in-nies.

Sadanittant Martin Bonnici saħaq dwar il-fatt li dawk li jaħdmu f’dan is-settur jitħallsu b’rati diċenti.

“Din hi x-xewqa tagħna. Sfortunatament u din hi weġgħa f’qalbi li se ngħid, l-istrutturi jabbużaw mill-passjoni tan-nies f’dan is-settur. Hemm saħansitra nies li jħitu l-kostumi li lanqas biss jitħallsu u dan mhux sew. Oħrajn jiġu mwiegħda xi flus u dawn jibqgħu ma jingħatawx jew inkella jaslu wara ħafna żmien. Fuq kollox, attur hu ħaddiem bħal ħaddieħor li jkun għamel xogħlu u għalhekk għandu dritt jitħallas. “

Barra minn hekk hemm ukoll il-problema tal-akreditazzjoni fejn issib nies li jikru garaxx u jagħmlu lezzjonijiet kif iridu. Bl-Ingliż wieħed jista’ jgħid li “we’re not having the same level field.”

Għalhekk dan il-kumitat irid struttura u kien għalhekk li kien hemm it-twaqqif tiegħu bit-tama li dan il-qasam tant importanti jingħata spinta ‘l quddiem.

Il-membri fi ħdan dan il-kumitat faħħru ħafna l-General Workers Union li mal-ewwel laqgħethom u tathom pjan sabiex kollox ikun kif suppost.

“Il-fatt li għandek struttura lesta fi ħdan din l-istess unjin isserrħilna rasna aktar u aktar meta atturi, produtturi u aktar nies li jaħdmu fil-filming ikunu protetti.”

Peter Galea semma’ episodju fejn attur waqt il-ġbid ta’ film waqa’ b’mod aċċidentali u weġġa’. B’xorti ħażina, l-istess attur ma riedx ikabbar din il-ħaġa u għalhekk baqa’ għaddej għax kieku tkellem kapaċi jiġi dak li bl-Ingliż ngħidulu blacklisted u t-tama li jerġa’ jintgħażel biex jieħu sehem fi produzzjoni taf isirlu suf. Skont Galea, dan kollu mhux ġust u għalhekk li l-GWU se tkun hemm għalihom f’dawn it-tip ta’ ċirkostanzi. Fil-fatt din il-unjin għandha l-avukati tagħha u struttura b’saħħitha ħafna u dan mal-ewwel għen f’dan ir-rigward.

“Nista’ ngħid li aħna xxurtjati li morna f’unjin li kważi kważi firxitilna s-sodda għax kieku kien ikollna nibdew mill-bidu u kif nafu dan kollu mhux faċli li jseħħ mil-lejl għan-nhar. Kemm hu sabiħ li jkollok l-assistenza u fuq kollox xi ħadd li jaqbeż għalik!”

Finalment il-kumitat magħmul minn sebgħa min-nies hu fiduċjuż li dan hu l-ewwel pass lejn bidla radikali fis-settur tal-films li kif reġgħu tennew l-istess membri jaf ikun xprun għas-settur ekonomiku tal-pajjiż partikolarment fil-qasam tax-xogħol. Huma għandhom fiduċja li dan ix-xogħol jiġi apprezzat u fuq kollox li n-nies jarawh bħala wieħed professjonali u mhux tad-dilettanti anke għax illum il-ġurnata m’hemmx post għal dan kollu.

Flimkien huma se jaħdmu sabiex il-ħolma tagħhom bħala produtturi, atturi u ħaddiema oħra anċillari li jkunu rikonoxxuti bl-aqwa mod issir realtà.

Sport