Sunday, December 22, 2024

KUNDANNA GĦALL-VJOLENZA WAQT L-ISPORTS

Aqra wkoll

Il-vjolenza mhi tajba għal ħadd u mkien aktar u aktar f’attivitajiet li suppost jgħaqqdu lill-avversarji f’sens sportiv. Għalhekk ix-xeni li assistejna għalihom nhar it-Tlieta li għadda fil-grawnd taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali, kienu ta’ min jistmerrhom u jikkundannahom bla ebda riservi.

Dan għaliex dak kollu li nqala’ la kien provokat u wisq inqas mistenni mill-partitarji tattim Iżraelit ta’ Maccabi Haifa. Il-mistoqsija tibqa’ li minkejja l-iskrutinju li sar fuq kull min daħal fil-grawnd biex jara l-logħba, kif kien
hemm min daħħal miegħu flares li mhux biss intefgħu fuq il-piċċ waqt li kienet għaddejja l-logħba imma waħda minnhom intefgħet fuq il-partitarji Ħamruniżi.

Dan wassal għal kommossjoni sħiħa fejn kien jeħtieġ l-intervent tal-forzi tal-ordni.
Fortunatament il-kaos ġie kkontrollat u ma kien hemm ebda konsegwenzi serji ta’ korrimenti fuq in-nies. L-iskantament tagħna huwa kif l-uffiċjal tal-UEFA li kien preżenti ma ħax passi immedjati biex jevita milli jseħħ dak li ġara.

Għalhekk il-mistoqsija tiġi waħedha dwar jekk hemmx bżonn ta’ aktar sigurtà fil-grawnd partikolarment f’logħbiet internazzjonali. Għax ngħiduha kif inhi, diġà rajna xeni simili f’partiti oħra li kienu jinvolvu timijiet barranin, saħansitra anke timijiet f’partiti internazzjonali.

Quddiem dan kollu, ta’ min ifaħħar l-intervent tal-pulizija li wassal biex jikkalmaw l-affarijiet u anke biex jittieħdu passi kontra dawk suspettati li ħolqu l-inkwiet. Minn ġrajjiet bħal dawn nittamaw li jittieħdu t-tagħlimiet kollha biex inċidenti ta’ din ix-xorta, jekk jista’ jkun, ma jseħħu qatt

Nittamaw ukoll illi l-Qrati f’każ ta’ ħtija ta’ dawk involuti ssir ġustizzja billi jingħataw il-piena skont il-liġi, għaliex affarijiet bħal dawn aħna nemmnu li jilħqu l-livell ta’ rvell jekk ma jiġix ikkontrollat kif meħtieġ. Anke l-UEFA mistennija tara x’seħħ tassew biex tkun tista’ tasal għall-konklużjonijiet tagħha filwaqt
li tieħu l-passi skont ir-regolamenti tagħha.

F’dan il-kuntest, wieħed irid ifakkar li l-istess żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu f’logħba oħra fi ftit jiem oħra, din id-darba f’Iżrael. U għalhekk irid ikun hemm serħan il-moħħ li dak li ġara f’Ta’ Qali ma jerġax jiġri fil-belt Iżraelita
ta’ Haifa.

Ekonomija

Sport