Thursday, December 26, 2024

“Kundizzjoni waħda fil-manifest tagħna, jeħtieġ tivvutaw biex il-proposti jsiru realtà”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-PM ikompli jiddistingwi bejn l-għażla ċara fis-26 ta’ Marzu

Waqt attività Politika mill-Imsida  l-Prim Ministru Robert Abela wieġeb għal numru ta’ domandi li sarulu minn dawk li attendew. Il-Prim Ministru kien ċar fid-diskors tiegħu u qal li l-poplu jaf fejn qiegħed mal-Partit Laburista, iżda mhux l-istess jingħad għall-Partit Nazzjonalista. Huwa appella lill-pubbliku biex l-elf proposta mressqin mill-Partit Laburista fil-manifest elettorali jsiru elf kisba. Sostna li għall-kuntrarju ta’ dak ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista, il-manifest tal-Partit Laburist fih kundizz­joni waħda biss, dik li biex il-proposti jsiru realtà l-poplu jrid jivvota għalihom.

Edukazzjoni għal kulħadd

Rigward l-edukazzjoni, Abela qal li mhux aċċettabbli li tfal minn familji li jifilħu inqas ma jattendux għal attivitajiet extrakurrikulari jiġu mċaħħdin minn din l-attività li tgħin ħafna fil-formazzjoni tagħhom.

Qalba ambjentali

Il-Prim Ministru qal li biex isseħħ il-qalba ambjentali, gvern Laburista għażel li jinċentiva minflok jisforza lill-poplu. Tkellem dwar kif il-gvern se jkun qiegħed jgħin lill-kumpaniji u lin-negozji b’inċentiv sa 50 fil-mija tal-ispiża, sa massimu ta’ €50,000 għal qalba ta’ vetturi elettrifikati. Iżda l-gvern ma waqafx hemm u għalhekk se jkun hemm skema ta’ self mingħajr imgħax min-naħa tal-Malta Development Bank (MDB).

Fakkar fit-tisħiħ ta’ inċentivi mħabbrin fil-Baġit f’dan ir-rigward biex in-nies privati jaqilbu l-vetturi tagħhom għal dawk elettrifikati. Iżda mhux biss, żdiedet l-infrastruttura għaliex jeħtieġ li tiġi indirizzata ż-żieda fid-domanda biex nilqgħu għal din iż-żieda. Hawnhekk tkellem dwar it-tieni interconnector.

Huwa kien ċar li ma tagħmilx sens li tisforza lin-nies għaliex mhux kulħadd jiflaħ jagħmel din il-qalba, iżda spjega kif b’dawn l-inċentivi l-poplu jaqbillu jmur għal din il-qalba.

In-negozji żammew il-kelma

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Covid Wage Supplement u qal li b’din il-miżura ġew salvati 100,000 impjieg. Qal li minflok qegħdin niddiskutu dwar kif se nerġgħu nżidu l-impjiegi, f’pajjiżna qegħdin niddiskutu dwar kif se nsibu l-ħaddiema. Huwa kkundanna l-irresponsabbiltà tal-Kap tal-Oppożizzjoni li pprova joħloq inċertezza billi qal lin-negozji li jridu jroddu lura l-“għotja” tal-Covid Wage Supplement. 

F’dan ir-rigward Abela qal li l-pajjiż għandu bżonn f’aktar investiment ta’ taħriġ biex il-Maltin u l-Għawdxin jaħtfu l-opportunitajiet ta’ karrieri li qegħdin jinħolqu li qegħdin joffru opportunitajiet aqwa b’salarji aħjar.

“Ħaddieħor jitkaża għax jien niltaqa’ man-negozji, iżda meta kellna gvern li għalaq il-bibien għan-negozji kellna rata ta’ qgħad li splodiet ’il fuq… xogħol il-Prim Ministru hu li jiltaqa’ man-negozji u jdaħħal il-fiduċja, iċ-ċertezza u l-għotja tal-istess opportunitajiet għal kulħadd biex javvanza.”

Kulħadd għandu dritt saqaf fuq rasu

Rigward il-garanzija ta’ akkomodazzjoni, il-Prim Ministru qal li hemm 10,000 familja li jgħixu f’residenza li dwarha hemm kirja protetta ta’ qabel l-1995. Fakkar li Partit Nazzjonalista prova jindirizza din il-problema iżda “għaffiġha” u “nħolqot katastrofi” b’persuni li min jum għall-ieħor spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Ir-riforma tal-Partit Laburista tat serħan il-moħħ tal-garanzija tar-residenza, iżda daħal ukoll biex iħallas il-valur ġust tal-proprjetà lis-sidien sa massimu sa €10,000 fis-sena.

Fejn tidħol l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, Abela qal li gvern Nazzjonalista żied il-lista ta’ stennija għal 3,000 familja. Iżda gvern Laburista għamel sensiela ta’ skemi biex jinċentiva aktar individwi jsiru sidien ta’ darhom. Tkellem dwar l-iskemi tal-First Time Buyers u l-Equity Sharing. Barra minn hekk il-gvern wessa’ numru ta’ skemi li bihom qiegħed ikompli jgħin aktar persuni biex ikomplu jagħmlu kuraġġ biex jixtru proprjetà.

Tkellem dwar diversi proġetti bi stock ta’ proprjetà biex tiġi kważi fix-xejn il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni.

Moviment li jgħix għall-bidliet u r-riformi

Il-Prim Ministru qal li bl-ebda mod ma seta’ jdawwar wiċċu u jagħlaq għajnejh għall-esperjenzi ta’ nies li ma kellhomx ix-xorti li jsiru ġenituri, iżda li llum hawn il-mezzi u t-teknoloġiji neċessarji. Fakkar li jekk jingħata l-mandat, gvern Laburista se jkun qiegħed jagħmel ir-riformi meħtieġa fil-liġi tal-IVF fl-ewwel mitt jum ta’ tmexxija.

Sostna li l-gvern irid jagħmel il-ġlieda biex ikisser kull forma ta’ inugwaljanza li titfaċċa, filwaqt li joffri opportunitajiet ugwali għall-avvanz.

Ekonomija

Sport