Monday, November 11, 2024

KUNSILLI LOKALI BLA SNIEN

Aqra wkoll

Għall-bidu nammetti kont xettiku dwar il-kunsilli lokali. Qiest li se jservu bħala għajn ta’ spejjeż ġodda mingħajr titjib fit-tmexxija tal-irħula u l-ibliet tagħna, u forsi b’daħla ġdida lejn il-korruzzjoni. Is-suspetti ma kinux għal kollox infondati. 

  Madankollu, l-esperjenza uriet li fejn il-kunsilli lokali jitmexxew b’galbu u b’ħila, iva, jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Mill-bidu nett fiż-Żejtun pereżempju hekk ġara bit-tmexxija bħala sindku tal-ħabib tiegħi, il-mibki Joe Attard.

Dan l-aħħar l-interess fil-kunsilli lokali donnu qed imajna, kemm min-naħa tal-publiku li jinsab diżappuntat bir-riżultati tal-ħidma lokali, u kemm minn kunsilliera li jinħassu diżillużi. Problema hi li matul is-snn, il-kunsilli tqiesu aktar bħala mezz ta’ deċentralizzazzjoni tas-servizzi tal-gvern skond regoli mmexxija miċ-ċentru, milli bħala aġenti ta’ ħidma lokali, bil-poter li jaddattaw għaċ-ċirkostanzi lokali. Hemm bżonn ta’ audit maniġerjali li jipproponi mill-ġdid kif għandhom jitqassmu l-poteri bejn kunsilli u aġenziji tal-gvern u kif l-aħjar jitmexxew il-konsultazzjonijiet bejniethom.

SORVELJA FINANZJARJA

Qal tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela meta semma kif tagħmel sens  bidla fil-mod kif issir in-nomina ta’ membri fuq il-Kumitat (parlamentari) tal-Kontijiet Publiċi. Hi ħaġa li ftit tiftiehem li bħala membri tal-kumitat jitpoġġew Ministri fil-kariga. Forsi l-osservazzjoni tiegħu messha saret sa mill-bidu nett tat-twaqqif tal-kumitat deċennji ilu.  Biss, jiġri li gvern ġdid quddiem il-prattika hekk kif ħaddimha ta’ qablu, isibha bi tqila jibdilha hu – u b’hekk inaqqas mill-konvenjenza politika li gawda minnha ħaddieħor.

Għax fil-verità kif jista’ ministru fil-kariga jissorvelja tajjeb… jiġifieri b’mod kritiku.. il-ħidma ta’ membri sħabu fil-kabinett jew tiegħu innifsu? Minnha nnifisha l-idea tinħass bħala kuntradittorja.

INDIPENDENTI?

Nisimgħu ħafna dwar l-indipendenza tal-istituzzjonijiet, kostituzzjonali jew le, imwaqqfa biex jiggwidaw  it-tmexxija publika f’oqsma differenti. Għax hemm ħafna modi kif dawn l-istituzzjonijiet ma jkunu indipendenti xejn. Fatturi li jistgħu jintużaw, jew qegħdin hemm bħala stat ta’ fatt li ħadd ma jikkwistjona, iservu biex jagħmlu piż prevedibbli u determinanti fuq id-deċiżjonijiet li jieħdu.

L-aktar fattur ċar, ovvjament, hu fejn in-nomina tal-president u l-membri tal-istituzzjoni ssir mill-gvern jew xi awtorità stabbilità. Kull gvern joqgħod attent biex bin-nomini li jagħmel, ipoġġi persuni li jxaqilbu sew lejn l-ideoloġija u l-programm tiegħu, jew lejn l-interessi soċjali li jappoġġja. Dil-ħaġa ma tiġrix f’pajjiżna biss.

Fost il-fatturi l-oħra hemm imbagħad dawk li jissenslu mill-interessi, id-drawwiet u l-kultura soċjo-ekonomiku li l-membri tal-istituzzjonijiet jirrappreżentaw. Għalhekk naraw żviluppaturi jiddeċiedu dwar materji ambjentali, professjonisti tradizzjonali dwar  prattiċi innovattivi fl-oqsma tagħhom, u l-istess fil-qasam tal-amministrazzjoni publika. L-indipendenza tal-istituzzjonijiet hi kunċett li nemmnu fih b’fidi dubjuża.

Sport