Friday, December 27, 2024

Kuntratturi li ma japplikawx għal-liċenzja sa Ottubru mhux se jitħallew ikomplu joperaw

Malta se tkun it-tieni pajjiż fl-Ewropa li tintroduċi din il-liċenzja

Aqra wkoll

Mill-1 ta’ Jannar 2025 kull kuntrattur tal-kostruzzjoni biex ikun jista’ jopera irid ikun fil-pussess ta’ liċenzja sħiħa u valida. Malta ser tkun it-tieni pajjiż fl-Ewropa wara l-Ġermanja li ser tintroduċi din il-liċenzja.

Dan intqal mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġiet mnedija Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi. 

Il-konsultazzjoni pubblika dwar Regolamenti proposti għal-Liċenzja tal-kuntratturi hija l-ewwel fażi tal-proċess biex tiġi introdotta l-Liċenzja tal-Kuntratturi għas-settur tal-kostruzzjoni. L-ewwel tliet liċenzji se jkunu qed jikkonċernaw it-twaqqigħ, l-iskavar u l-kostruzzjoni u l-iskill cards meħtieġa. Il-proċess se jevolvi bl-introduzzjoni ta’ liċenzji oħra, skill cards u health and safety cards. It-twaqqigħ, l-iskavar u x-xogħol ta’ kostruzzjoni jirrapreżentaw parti sostanzjali tal-industrija tal-kostruzzjoni. 

Il-proċess tal-liċenzja se jkun qed japplika għal kull applikant kemm jekk individwu jew entità lokali kif ukoll għal dawk minn kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

Il-miri ewlenin tal-Liċenzja tal-Kuntratturi se jkunu li jiġu definiti l-kriterji biex persuna jew entità twettaq xogħol ta’ kuntrattur fis-settur tal-kostruzzjoni. Il-Liċenzja tal-Kuntratturi ser twassal ukoll għal tisħiħ fl-infurzar tar-regoli tal-kostruzzjoni u titjib fil-kwalità tal-istandards fil-kostruzzjoni. Barra minn hekk, il-Liċenzja ser tipprovdi ambjent tax-xogħol aktar professjonali, b’impatt anqas negattiv fuq il-viċinanzi.

Huwa pjannat li wara li tintemm il-konsultazzjoni pubblika, l-avviż legali jkun pubblikat sabiex l-applikazzjonijiet jkunu jistgħu jiġu sottomessi mill-1 ta’ Ġunju 2023 ‘il quddiem.

Wara l-1 ta’ Novembru 2023, l-ebda attività ta’ twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni ma tkun tista’ ssir sakemm operatur ma jkunx issottometta applikazzjoni lill-kumitat tal-liċenzjar. Bejn l-1 ta’ Novembru 2023 u l-31 ta’ Mejju 2024 kuntrattur jista’ jaħdem biss jekk dan ikollu konferma proviżorja bħala l-ewwel ġass għall-ħruġ tal-liċenzja. Mill-1 ta’ Ġunju 2024 ‘il quddiem kuntrattur mhux se jkun jaħdem mingħajr liċenzja.

Ekonomija

Sport