Tuesday, December 24, 2024

“Kwalità ta’ ħajja aħjar”

- Il-GWU f’laqgħa mal-Kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-PE Clint Azzopardi Flores

Aqra wkoll

Fi żjara li għamel il-kandidat għall-Elezzjonijiet Ewropej Clint Azzopardi Flores fil-binja tal-General Workers’ Union, fejn iltaqa’ mal-amministrazzjoni tal-GWU ġew diskussi wħud mill-aktar suġġetti prinċipali f’pajjiżna kif ukoll proposti, speċjalment meħuda mil-laqgħat tiegħu man-nies matul il-kampanja u li jinsabu fil-manifest tiegħu.

Temi li l-maġġoranza tagħhom huma relatati mal-ħaddiema f’Malta, fosthom semma’ tema li l-GWU temmen fiha u ħadmet fuqha, dik ta’ ħajja diċenti għal kulħadd. Il-ħtieġa li ħadd ma jkun eskluż mis-suq tax-xiri ta’ proprjetà. Infatti l-GWU semmiet li tieħu sehem b’mod attiv mal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli biex tiġi identifikata l-aħjar sistema għal akkomodazzjoni affordabbli f’Malta. Filwaqt li Azzopardi Flores issuġġerixxa li permezz ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea tkun tista’ tagħti garanziji mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għal self b’rata inqas ta’ interessi.

Fil-każ tal-ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiżi terzi, ġiet diskussa l-liġi ġdida dwar it-temping agencies. Huma ddiskutew il-proposta tal-GWU dwar il-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur. Dan għandu jwassal biex jinqatgħu ħafna mill-abbużi fuq il-ħaddiema fosthom il-carers fid-djar u s-sajjieda barranin.

Il-kandidat għall-Elezzjonijiet Ewropej Clint Azzopardi Flores issuġġerixxa li fil-każ tal-ħaddiema barranin għandha ssir assigurazzjoni medika privata li permezz tagħha jkunu jistgħu jieħdu t-trattament fi sptarijiet privati biex titnaqqas il-pressjoni minn fuq l-isptar ġenerali ta’ Malta u anke jinħoloq suq ġdid kemm tal-assigurazzjoni u anke xiri ta’ servizzi mill-gvern mingħand il-privat bħal fil-każ tal-operazzjonjiet tal-ortopedija fost oħrajn.

Filwaqt li qabel perfettament mal-proposta tal-GWU li jkun hemm mental health first aider preżenti f’kull post tax-xogħol hekk kif irridu nirrikonoxxu li s-saħħa mentali fost il-ħaddiema trid tingħata aktar importanza.

Hekk kif kienu qegħdin jiddiskutu x-xogħol, ma naqasx li tissemma’ l-intelliġenza artifiċjali, li daħlet sew fostna, anke jekk forsi wħud lanqas biss jirrikonoxxuha.

Azzopardi Flores saħaq li għandhom jiġu implimentati numru ta’ regolamenti li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema biex id-drittijiet miksuba ma jkunux mittiefsa.

Il-kandidat Azzopardi Flores u l-amministrazzjoni ċentrali qablu fuq l-importanza ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Kwalità ta’ ħajja li tinkludi l-kultura, rikreazzjoni kwalitattiva u d-dritt għal spazji ħodor adekwati fost oħrajn. Azzopardi Flores semma’ li bħalma sar snin twal ilu, jeħtieġ li jerġa’ jibda jkun hawn sensiela ta’ green patches fit-toroq tagħna, qalb id-djar tagħna biex b’hekk issir restorazzjoni tan-natura għall-ġid tagħna u ta’ wliedna f’żoni urbanizzati ħafna.

Ekonomija

Sport