Wednesday, October 9, 2024

Kwistjoni dwar it-terapija bl-annimali fl-SVP

Aqra wkoll

L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul stqarret it-twemmin sħiħ tagħha fil-potenzjal ta’ terapija bl-annimali domestiċi u ċaħdet kategorikament li b’xi mod jew ieħor ma taqbilx li jkun hawn żoni għall-annimali fil-binja ta’ San Vinċenz, bħalma qed jiġi allegat minn Cat Cafe. 

Id-dikjarazzjoni tal-amministrazzjoni saret fid-dawl tat-tħassib tagħha dwar dikjarazzjonijiet allegatament qarrieqa li qed isiru minn Cat Cafe fuq il-midja soċjali.

L-amministrazzjoni fakkret li San Vinċenz de Paul investa fi proġett ta’ razzett terapewtiku bl-annimali, fejn diversi annimali, mhux biss qtates, se jkollhom abitazzjoni adattat u jiġu mħarsa bl-aqwa mod possibli biex iservu ta’ terapija għar-residenti. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ terapija bl-annimali diġa’ jeżisti fis-swali ta’ San Vinċenz għar-residenti li għandhom problema ta’ mobilita’. 

Il-Cat Café, li jinsab fil-bini tal-faċilità, biswit fejn ġej il-proġett tar-razzett terapewtiku, huwa mmexxi minn Animal Guardians Malta. Din l-organizzazzjoni kellha ftehim ma’ San Vinċenz de Paul (SVP) biex twaqqaf dar għall-qtates, li qabel kienu jitħallew fil-periferiji tal-faċilita.  Il-permess, li kien għal 120 qattus, skada fl-2019 u l-Animal Guardians Malta baqgħet trrifjuta li ġġedded dan il-ftehim. 

Skont l-amministrazzjoni ta’ SVP, jidher ċar li l-organizzazzjoni kienet u għadha qed tikser diversi klawsoli f’dan il-ftehim, fosthom in-nuqqas ta’ indafa, irwejjaħ u traskuraġni fiż-żamma tal-post, kif ukoll il-fatt li n-numru ta’ qtates, kif jingħad fil-paġna fuq il-midja soċjali, illum laħħaq madwar 300 qattus.

Minkejja diversi tentattivi mill-amministrazzjoni ta’ SVP biex isir kuntatt ma’ Animal Guardians Malta biex tintlaħaq soluzzjoni, Animal Guardians Malta ripetutament naqset milli tikkopera u barra minn hekk, naqset milli tattendi numru ta’ laqgħat li ġiet imsejħa għalihom.

L-amministrazzjoni ta’ SVP ddikjarat li ma tistax tħalli din is-sitwazzjoni tippersisti minħabba l-obbligu ewlieni tagħha hu li tħares is-saħħa tal-anzjani residenti tagħha, anzjani li huma vulnerabbli u li żżomm kemm jista’ jkun l-ogħla kwalita’ ta’ standards f’kull ħin. 

Għaldaqstant, tinsisti bl-appell tagħha lil Animali Guardians Malta, biex jidħlu f’diskussjoni fl-interess tar-residenti u l-qraba tagħhom, viżitaturi u l-annimali nfushom.

Sport