Monday, May 13, 2024

Kyle Satariano u Rachela Pace jirbħu l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar għal Jannar 2024

Aqra wkoll

‌Hekk kif minn din is-sena l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar se jibda jkollu żewġ rebbieħa, Kyle Satariano (Darts) u Rachela Pace (Atletika) huma r-rebbieħa għax-xahar ta’ Jannar 2024.
Kyle Satariano, li għad għandu 11-il sena, rebaħ tournament internazzjonali tad-darts li sar f’Gevelsberg, il-Ġermanja. Satariano, li huwa meqjus bħala plejer promettenti ħafna fid-darts, ipparteċipa ma’ sbatax-il plejer fil-kategorija ta’ taħt it-tnax-il sena.
Huwa ġie l-ewwel fil-grupp b’punti massimi u fil-finali għeleb lil Nevio Rizzo 4-0.Wara li Satariano ngħata t-tazza u ċ-ċertifikat, kellu l-opportunità li jilgħab logħba ta’ esibizzjoni tad-doubles mad-darbtejn ċampjin tad-dinja Gary Anderson.It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Jannar 2024 flimkien mal-voucher t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Kyle Satariano minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance.
F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.Rachela Pace li għandha 20 sena, hija r-rebbieħa l-oħra ta’ dan l-unur. Hija waqfet rekord nazzjonali ta’ 13.29m fl-indoor triple jump.
Ir-rekord preċedenti ta’ 12.62m kien ġie reġistrat minn Rebecca Sarè is-sena li għaddiet.Ġimgħatejn biss wara r-rekord fl-indoor triple jump, Pace kisbet rekord ieħor ta’ 6.31m fl-indoor long jump.
L-aħħar rekord kien ta’ 6.08m, miksub minn Rebecca Camilleri fis-sena 2015.L-atleta Maltija bħalissa qed tattendi l-Fresno State University, f’Kalifornja, fl-Istati Uniti u għaldaqstant il-preżentazzjoni tal-premju tagħha se ssir aktar tard din is-sena, meta tiġi żżur lill-familja tagħha f’pajjiżna.Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.
Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom.
In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Robert Micallef (Atlas Insurance), Matthew von Brockdorff (Atlas Insurance), Kyle Satariano, Lorraine Cunningham (MSJA) u Sandro Micallef (MSJA).

Sport