Monday, April 29, 2024

Kylian Mbappe jaċċetta li jiffirma kuntratt ta’ sentejn ma’ Paris SG

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbappe, irritorna għat-taħriġ tal-ewwel team u x’aktarx li jibqa’ maċ-champions Franċiżi.

L-attakkant Franċiż ta’ 24 sena ma kienx qed jitħarreġ mal-iskwadra tal-ewwel team u tħalla barra mil-logħba tal-ftuħ tal-istaġun ta’ PSG kontra Lorient fid-draw ta’ 0-0, is-Sibt. 

Huwa ried jingħaqad ma’ Real Madrid iżda issa jinsab lest biex iġedded il-kuntratt mal-Pariġini. 

PSG qalu li Mbappe reġa’ tħalla jingħaqad mat-team wara taħditiet “kostruttivi u pożittivi ħafna”.

Il-captain ta’ Franza segwa l-logħba ta’ nhar is-Sibt mill-istands ma’ sieħbu ta’ Franza, Ousmane Dembele, li ngħaqad ma’ PSG mingħand Barcelona għal £43.5m. Huwa tħalla wkoll barra mill-vjaġġ ta’ qabel l-istaġun lejn l-Asja.

Mbappe fadallu sena mill-kuntratt attwali tiegħu u s’issa rrifjuta li jiffirma kuntratt ġdid.

Ix-xahar li għadda, PSG taw permess lill-club mill-Għarabja Sawdija Al-Hilal biex jitkellem mal-player wara li għamel offerta rekord dinji ta’ €£259 miljun.

Ir-riintegrazzjoni tiegħu waslet wara diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha fl-aħħar 12-il siegħa.

Iċ-chairman ta’ PSG, Nasser Al-Khelaifi, kien kostrett li ma jħallix lill-attakkant jitlaq b’xejn u huwa maħsub li se jintlaħaq xi tip ta’ ftehim  li se jara lil Mbappe jiffirma l-estensjoni ta’ sena għall-ftehim preżenti tiegħu kif kien previst oriġinarjament.

Huwa se jkompli jilgħab sal-2025 u jippermetti lil PSG li jbigħu lil Mbappe lil Real fis-sajf li ġej.

“Wara diskussjonijiet kostruttivi u pożittivi ħafna bejn Paris St-Germain u Kylian Mbappe qabel il-logħba PSG – Lorient, il-player reġa’ ddaħħal fl-iskwadra tat-taħriġ tal-ewwel team,” qal il-club Pariġin. 

Mbappe, li ngħaqad ma’ PSG fl-2017, inizjalment b’self mingħand Monaco, qabel trasferiment ta’ €180 miljun, fejn skorja rekord ta’ 212-il goal  f’260 logħba.

Sport