Saturday, May 4, 2024

Realtajiet soċjali li xprunaw ir-riforma fil-liġi tal-kannabis

Mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg tkellimna dwar ir-riforma storika li titratta l-użu tal-kannabis.

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Minn meta daħlet din il-liġi, li l-Partit Laburista kellu l-kuraġġ jixpruna ‘l quddiem, biex saru diversi riformi biex imxejna mill-politika punittiva, tal-kastig, għal waħda li hi iżjed umana. Fl-istess waqt ma naqas xejn mil-pieni għal min jinqabad jittraffikar il-kannabis jew xi droga oħra.

“Tara persuni li jkollhom kondotta mċappsa għax instabu ħatja ta’ pussess sempliċi ta’ droga, ta’ joint. F’din ir-riforma neħħejna dan u qed jingħata t-tieni ċans,” qalet Buttigieg.

Hija żiedet tgħid li twaqqfet l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), li qiegħda topera minn uffiċini fil-Marsa u anke ġew impjegati ħaddiema u esperti intiżi f’dan is-settur li huwa wieħed pjuttost kumpless.

“Rajna wkoll li din l-Awtorità tingħata r-riżorsi kollha meħtieġa. F’Jannar għamilna konvenzjoni fejn ħabbarna numru ta’ policies li ser timxi bihom l-Awtorità. Kellna rispons tajjeb ħafna. Aktar minn 250 ruħ ġew għal din il-konvenzjoni għaliex il-mudell tagħna huwa wieħed speċiifiku u uniku mhux ibbażat fuq il-kummerċjalizzazzjoni iżda wieħed non-profit li jħares lejn l-interessi tal-komunità lokali.

Din ir-riforma, qalet Buttigieg hija maħsuba biex persuni li jagħmlu użu mil-kannabis jagħmlu dan b’mod responsabbli. Ir-riforma hija imsejsa fuq harm reduction għaliex permezz tagħha ser tingħata daqqa lis-suq illegali tat-traffikar tal-kannabis u ser ikun assigurat li l-kannabis li tiġi ma tkunx maħmuġa b’sustanzi li huma ta’ periklu għas-saħħa.

“Daħħalna numru ta’ salvagwardji sabiex nassiguraw illi t-traffikar nippruvaw neliminawh kemm jista’ jkun, nagħtu aktar riżorsi lill-forzi tal-ordni f’dan is-sens u nagħmlu ġustizzja mal-komunità,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg li semmiet li r-realtajiet soċjali xprunaw din ir-riforma ‘l quddiem.

26 applikazzjoni quddiem l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis
Sa issa, l-ARUC għandha 26 applikazzjoni għal liċenzja u ħarġet żewġ liċenzji “in principle” lill-Assocjazzjoni li ser jitwaqqfu wara li isiru l-verifiki kollha meħtieġa mill-Aruc biex dawn jimxu mir-regoli stretti tal-awtorità.

Ta’ min isemmi li l-applikazzjoni tirrikjedi numru ta’ kriterji li jridu jiġu sodisfatti qabel tinħareġ il-liċenzja. Fost dawn hemm prinċipji ċari ħafna li dawn l-assoċjazzjonijiet iridu jkunu minn tal-inqas 250 metru bogħod minn kull skola jew ċentru fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Ma jista’ jsir l-ebda tip ta’ reklamar.

L-amministraturi f’dawn l-assoċjazzjonijiet iridu jkunu residenti Malta għal minimu ta’ 5 snin. Kull adult minn 18-il sena ‘l fuq, residenti Malta, jista’ jissieħeb bħala membru f’assoċjazzjoni waħda biss.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li “dawn l-assoċjazzjonijiet ma jistgħu jistgħu jagħmlu l-ebda tip ta’ riklamar, kull membru ser ikollu limitu kemm jista’ jixtri. Se jkun hemm kontrolli biex nassiguraw li ma jkunx hemmx abbuż, filwaqt li qed naraw li anke l-persuni li għandhom inqas minn 21 sena jkollhom livell ta’ THC ferm inqas.”

“L-għan tagħna qatt mhuwa li ninċentivaw l-użu tal-kannabis. Aħna qed ngħidu li jekk inti se tagħżel li se tuża l-kannabis għandu jkollok sors sigur minn fejn tingħata din il-kannabis u jkun hemm ċertifikat ta’ kwalità,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Sport