Saturday, December 21, 2024

L-14 ta’ Ġunju mbassra tkun l-ewwel ġurnata fl-Istati Uniti bla mwiet bil-Coronavirus

Aqra wkoll

Skont il-mudell tal-Insitute for Health Metrics and Evaluation tal-Università ta’ Washington, l-14 ta’ Ġunju għandha tkun l-ewwel ġurnata fejn fl-Istati Uniti ma jkunu rreġistrati ebda mwiet. Dan il-mudell qed jintuża biex jagħti tbassir uffiċjali u anke jagħti idea meta se terġa tiftaħ l-ekonomija fl-Istati Uniti. Dan jirriżulta minn rapporti fuq Forbes li jispjegaw kif il-mudell jipproġetta l-14 ta’ Ġunju bħala l-ewwel ġurnata, minkejja li jgħid ukoll li din taf tiġi qabel fid-29 ta’ Mejju, jew inkella tard fil-21 ta’ Ġunju. 

Il-mudell juri li l-ogħla rata ta’ mwiet kellha tkun proprju f’Ħadd il-Għid u mbagħad tibda tonqos. 

Dan il-mudell tant qed ikun meqjus bħala tajjeb, li qed jintuża mill-uffiċjali tal-White House biex ibassru kemm se jkun hemm imwiet u biex jaraw kif se jirrispondu għall-kriżi. 

Ibassar li mas-60,415-il persuna għandhom imutu bil-virus, fejn l-inqas stima hi dik ta’ 31, 221 persuna u l-ogħla waħda hi ta’ 126.703. 

Għalkemm dan il-mudell ma juri ebda ċans li l-virus jerġa’ jfeġġ fit-tieni mewġa, wieħed mill-esperti Amerikani fil-mard infettiv, Anthony Fauci wissa li jista’ jkun hemm it-tieni mewġa hekk kif il-pajjiż jerġa’ jiftaħ. Qal li se jkun kritiku li jiġu ttestjati n-nies, jiġu identifikati dawk infettati u jitpoġġew f’iżolament. Barra hekk qal li jrid isir il-contact tracing ħalli ma terġax tiżdied il-firxa.

Ekonomija

Sport