Tuesday, December 24, 2024

L-A.I. kontra l-bniedem

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Kif antiċipajt il-ġimgħa l-oħra, “Exped4bles” ftit kellu tama li jikseb suċċess. Kien imbassar li jkollu dħul ta’ $15-il miljun fl-ewwel tlett ijiem u spiċċa biex id-dħul kien miżeru u laħaq iċ-ċifra ta’ $8.3 miljun. Meta ħareġ l-ewwel wieħed fl-2010, fl-ewwel tlett ijiem kellu dħul ta’ kważi $35 miljun.

“Expend4bels” xorta irnexxielu jitla’ fit-2 post tal-box office Amerikna ta’ tmiem il-ġimgħa għax ma kellux kompetizzjoni. Fl-ewwel post baqa’ “The Nun II” bi ftit eluf aktar f’dawk li hu dħul.

Tmiem il-ġimgħa li għadda kien kwiet ħafna. It-tlett films l-oħra li kienu mal-aqwa ħamsa huma: “A Haunting in Venice,” “The Equalizer 3″ u fil-ħames post, “Barbie”. Globalment, “Barbie issa laħaq iċ-ċifra ta’ $1.41 biljun.

The Creator

Ħaġa li qiegħda tissemma ħafna fil-mument hi l-A.I. Anke il-Prim Ministru tkellem dwarha meta kien qed jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f’New York. F’ħin minhom huwa qal “li nistgħu nużaw il-qawwa tal-AI għall-ġid pubbliku, ma nibżgħux bħala katastrofi li ġejja.”

X’relevanza għandu dan il-punt li qal il-Prim Ministru tagħna mal-film “The Creator”?

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Gareth Edwards, in-narrattiva ta’ “The Creator” teħodna f’mument fejn il-bnedmin huma fi gwerra mal-forzi armati tal-intelliġenza artificjali.

Iċ-ċinema ilha tippreżenta dan is-suġġett, imma ħafna drabi l-films urewna konsegwenzi xejn sbieħ għall-umanitá. Nistgħu mmorru lura għall-film Ġermaniż “Metropolis” li ħareġ fl-1927. Imma wara li ħareġ “2001: A Space Odyssey” fl-1968, il-films b’dan is-suġġett żdiedu, fosthom il-franchise ta’ “The Terminator”, dik ta’ “The Matrix”, “A.I” ta’ Steven Spielberg, “Blade Runner”, “Her”, “M3gan” li rajna aktar kmieni din is-sena u tant oħrajn..

“The Creator” hu film interessanti li jista’ iżid id-diskussjoni dwar il-magni AI. Iġegħlek tistaqsi mistoqsija kruċjali: il-bniedem qed joħloqhom bl-intenzjoni li ħajjitna tkun aħjar imma jistghu jkunu kaġun li jġibuna skjavi tagħhom?
John David Washington għandu l-parti ta’ Joshua, suldat li ġie ttrenjat mal-forzi speċjali, li jkun mnikket bl-għibien ta’ martu.

Joshua jiġi reklutat biex isib u joqtol il-Creator, l-arkitett ta’ AI avvanzata li żviluppat arma misterjuża li għandha l-kapaċità li ttemm il-gwerra u possibilment anke l-umanità.

Joshua u tim ta’ suldati mħarrġa sew jaqsmu għal ġo territorju tal-għadu biex isibu l-Creator imma jkollhom sorpriża lesta għalihom.

Għalkemm hu ċar minn fejn id-direttur Gareth Edwards hu influwenzat, fil-fehma tiegħi “The Creator” hu wieħed mill-aħjar films tal-fantaxjenza li rajna f’dawn l-aħħar snin. B’mod tajjeb, il-film iżommok interessat fl-istorja billi fih mumenti emozzjonali li huma tajba.

Il-kast jinkludi wkoll lil Allison Janney u Ken Watanabe. Il-filming sar fin- Nepal, it-Tajlandja, il-Vjetnamu u fil-Kambodja u sfrutta sew is-sbuħija ambjentali tal-lavant imbiegħed. L-effetti speċjali, li fih bil-bosta, saru fl-istudios ta’ Industrial Light & Magic.

“The Creator” hu kklassifikat 12A minħabba vjolenza moderata u xi lingwaġġ qawwi.

Dumb Money

Dan hu film komiku u bijografiku li tajjeb wieħed ikun jaf almenu xi ħaġa dwar il-kumpanija Amerikana GameStop. Din hi kumpanija b’ħafna ħwienet fl-Amerika, l-Ewropa u l-Awstralja li tbigħ video games u affarijiet tal-elettronika. Daqs għaxar snin ilu, l-qagħda finanzjarju bdiet sejra lura minħabba xiri online u investimenti ħżiena. Sentejn ilu, l-istocks ta’ GameStop bdew telgħin ’l fuq.

Dan hu l-isfond għall-film “Dumb Money” u l-istorja ta’ Keith Gill (Paul Dano) f’dan il-film pjuttost intelliġenti maħdum taħt id-direzzjoi ta’ Craig Gillespie. Keith hu amateur stock trader li jara lilu nnifsu bħala ribelli. Mill-basement tad-dar, huwa ixandar videos u jikkonvinċi lin-nies jinvestu fil-kumpanija GameStop. Keith jinvesti $53,000 mill-flus imfaddla tal-familja. Dan meta CEOs ta’ hedge funds ikunu ilhom is-snin jilgħabu l-flus kontra GameStop. Ir-riżultat hu li l-istocks ta’ GameStop jibdew telgħin b’dak li jibda jgħid u jagħmel Keith.

Il-film ilaqqana ma’ diversi Amerikani, ħafna minhom middle-class li jaraw possibilità li jsolvu l-problemi finanzjarji billi jinvestu. Paul Dano hu konvinċneti fil-parti ta’ Keith.

Ta’ min jgħid li ‘dumb money’ hi frażi li tintuża fil-qasam finanzjarju għall-investituri li ma jkunux parti minn xi istituzzjoni imma jinvestu bħala grupp.
“Dumb Money” hu kklassifikat 15 minħabba lingwaġġ, referenzi għas-sess u użu ħażin tad-droga.

Ekonomija

Sport