Saturday, December 21, 2024

L-ADPD b’kawża kostituzzjonali dwar ir-riżultat elettorali 

Aqra wkoll

L-ADPD – The Green Party ilbieraħ ressaq kawża kostituzzjonali dwar ir-riżultat elettorali u saħaq li l-liġijiet Kostituzzjoni u Elettorali jiddiskriminaw kontra partiti li mhumiex il-Partit Laburista (PL) jew il-Partit Nazzjonalista (PN).

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo qal li f’demokrazija b’saħħitha, kull vot jgħodd u l-ebda vot ma jiswa iktar minn vot ieħor.

Cacopardo qal li l-ADPD “ilu żmien jilmenta li l-leġiżlazzjoni elettorali hi diskriminatorja fil-konfront tiegħu u dan minħabba li tagħti piż u valur lill-voti mitfugħa favur iż-żewġ partiti li qegħdin fil-Parlament imma tiskarta kompletament il-voti li jkunu mitfugħa favur partiti oħra.”

Dwar il-mekkaniżmu għall-bilanċ tal-ġeneru u tal-proporzjonalità, Cacopardo qal li dawn it-tnejn jiffavorixxu lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista.

Cacopardo tkellem ukoll dwar il-fatt li meta jumejn ilu seħħ l-aġġustament ġew injorati l-voti miksuba mill-partit ADPD. “Meta sar dan ġew injorati l-voti miksuba mill-partit ADPD fl-ewwel għadd tal-voti, liema voti kienu jammontaw għal 4,747, ammont li hu ikbar mill-kwota nazzjonali.”

“Il-kawża kostituzzjonali hi dwar dan kollu. Qed nitolbu lill-Qorti li ssib li hemm ksur ta’ diversi drittijiet liema drittijiet huma mħarsa kemm mill-kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

B’dan il-mod, l-ADPD se jitlob lill-Qorti jekk hemmx ksur ta’ diversi drittijiet li huma mħarsa kemm mill-kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Ekonomija

Sport