Sunday, October 27, 2024

L-ADPD jitlob li jkun magħruf liema kandidati tal-PLPN huma aġenti tal-bejgħ ta’ passaporti

Aqra wkoll

L-ADPD – The Green Party jitlob li jkun magħruf liema huma dawk il-kandidati tal-PLPN li huma aġenti tal-iskema tal-bejgħ ta’ passaporti.

Fi stqarrija, iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo reġa’ tenna s-sejħa li għamel ilbieraħ biex l-iskema tax-xiri tal-passaporti tiġi abrogata, kif hu anke inkluż fil-manifest elettorali li kien imniedi ilbieraħ stess.

ADPD qalet li ilha toġġezzjona għal din l-iskema minn meta twaqqfet fl-2014 u żiedet tgħid li issa saru evidenti aktar ir-raġunijiet għaliex din l-iskema hija ħażina.

Cacopardo qal li l-aħbar li Malta se tissospendi l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet minn Russi u Belarussi filwaqt, li hi aħbar tajba ittieħdet biss wara li n-nuqqas ta’ azzjoni immedjata mill-Gvern Malti laħaq għamlitilna ħafna ħsara.

Fl-istess waqt, iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party qal li hemm bżonn ukoll ta’ miżuri oħra.

“Minħabba li uħud minn dawk li irċevew il-passaporti jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà mhux tagħna biss iżda tal-kollegi tagħna pajjiżi imsieħba fl-Unjoni Ewropea hemm bżonn li d-dettalji kollha dwar dawn il-persuni jingħataw ukoll lill-Interpol.”

Cacopardo qal li nafu li hekk kif Robert Abela sar kap tal-PL irrinunzja għal liċenzja li kellu biex hu ukoll ibiegħ il-passaporti. Żied jgħid li issa hu floku wkoll li l-partiti politiċi l-oħra jgħidulna għamlux skrutinju jekk hemmx kandidati tagħhom li huma aġenti tal-passaporti.

“Din hi neċessità – din hi informazzjoni li l-pubbliku għandu dritt għaliha,” insista Cacopardo. Għalhekk stieden kemm lill-PL kif ukoll lill-PN illi jekk għandhom, jippubblikaw din l-informazzjoni, u jekk m’għandhomx jiġbruha u jagħmluha aċċessibbli għall-pubbliku.

Temm jgħid li ħadd mill-kandidati ADPD ma’ hu assoċjat mal-bejgħ tal-passaporti bl-ebda mod.

Sport