Saturday, December 21, 2024

L-Afrika t’Isfel, l-irġulija u l-Omicron

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Mingħajr dubju ta’ xejn, is-sena li waslet biex tispiċċa ma kinitx waħda tajba għall-Afrika t’Isfel. Is-sena 2021 kienet ikkaratterizzata minn protesti kbar madwar il-pajjiż minħabba qtugħ ta’ spiss tal-provvista tal-elettriku kif ukoll minħabba serq sfaċċat ta’ fondi li kienu ntiżi sabiex jingħataw bħala għajnuna għall-ġlieda kontra l-pandemija. Minħabba f’dan l-iskandlu rriżenjaw diversi politiċi. Fl-aħħar ġimgħat tas-sena, il-Covid-19 reġgħet tat daqqa ta’ ħarta kbira lill-gvern immexxi minn Cyril Ramaposa. Però, din id-darba, il-konsegwenzi negattivi tal-virus fuq il-poplu mhumiex tort tal-politiċi Sud Afrikani. 

Jiskopru l-varjant il-ġdid

F’nofs Novembru li għadda, grupp ta’ xjentisti rinomati minn dan il-pajjiż, li fil-passat kienu taw kontribut b’saħħtu fil-ġlied kontra l-HIV, ġew ikkummisjonati mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jinvestigaw ir-raġuni wara ż-żieda qawwija ta’ każi ta’ nies infettati bil-Covid-19. Fil-fatt, f’temp ta’ ftit ijiem, il-każi ta’ nies li kienu qegħdin jiġu infettati bil-virus żdied minn ftit aktar minn 300 kuljum għal kważi 9,000 kull ġurnata. Din iż-żieda hekk kbira mill-ewwel bdiet tinkwieta ħafna lill-awtoritajiet tas-saħħa minħabba li huma kienu taħt l-impressjoni li l-poplu kien protett mill-virus. Dan minħabba li minbarra li hemm kwart tal-popolazzjoni li ħadu l-vaċċin, f’ċertu provinċji l-aktar popolati bħal dik ta’ Gauteng li fiha hemm il-kapitali Johannesburg, kważi 70% tan-nies diġà laqqtu l-virus u allura suppost kellhom inqas ċans li jerġgħu jiġu infettati.

Wara li studjaw diversi kampjuni tal-virus li ttieħdu minn numru ta’ pazjenti li ġew infettati rriżulta li l-virus tal-Covid-19 li kien daħal ġewwa ġisimhom kien varjant ġdid li huwa differenti sew mill-varjanti l-oħra li kienu ġew misjuba sa issa mix-xjenzati madwar id-dinja. Dan il-varjant ingħata l-isem ta’ Omicron, kelma li bħalissa qiegħda fuq fomm kulħadd.

L-irġulija tissarraf f’iżolament

Kif titlob il-prassi xjentifika, malli ġie skopert l-Omicron, dawn ix-xjenzati għamlu d-dover tagħhom u informaw mill-ewwel lill-komunità xjentifika dinjija.

Fi żmien ftit sigħat mill-komunikat mediku tal-gvern tal-Afrika t’Isfel fuq il-preżenza tal-Omicron, il-Gvern Ingliż ħabbar li kien qiegħed jagħlaq b’mod immedjat l-aċċess tal-ajruporti kollha tiegħu għat-titjiriet kollha ġejjin mill-Afrika t’Isfel, kif ukoll minn diversi pajjiżi oħra ġirien li jnsabu fin-nofsinhar tal-kontinent Afrikan. Fi żmien 24 siegħa, il-gvern Amerikan, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, ħabbru li kienu sejrin jimxu fuq l-istess passi tal-gvern tar-Renju Unit billi kienu sejrin iżommu passiġġieri li kienu ġejjin mill-Afrika t’Isfel u pajjiżi qrib tagħha milli jidħlu għandhom.

Diżastru finanzjarju 

Naturalment, kulħadd jifhem li dawn il-deċiżjonijiet mill-gvernijiet tal-punent kienu ġġustifikati. Però wieħed ma jistax ma jissimpatizzax mal-gvern tal-Afrika t’Isfel li minħabba l-irġulija tiegħu issa qiegħed jissogra daqqa oħra kbira fuq l-ekonomija tiegħu minħabba dan l-iżolament. Dan wara li l-gvern ta’ dan il-pajjiż kien qiegħed jittama li l-industrija tat-turiżmu terġa’ tibda tirkupra xi ftit fl-aktar żewġ xhur li fihom s-soltu jmorru ħafna turisti jżuru lill-Afrika t’Isfel, jiġifieri f’Diċembru u Jannar. Dan minħabba li miljuni ta’ turisti jmorru hemm sabiex jaħarbu t-temp kiesaħ li jkun hemm ġewwa pajjiżhom matul dawn il-ġranet xitwin. Dan jgħodd ukoll għal pajjiżi oħra ġirien bħan-Nambja u l-Botswana. 

Il-gvernijiet ta’ dawn il-pajjiżi huma mwerwra li din is-sena sejjer jiġri bħal dak li ġara s-sena l-oħra, fejn minħabba l-Covid-19, it-turisti naqsu b’aktar minn 70%. Dan wassal għal telfien ta’ mijiet ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Fil-fatt, il-gvern tal-Afrika ta’ Isfel aktar kmieni din is-sena kien qal li minħabba d-daqqa kbira li ħa t-turiżmu kienu ntilfu kważi 350,000 post tax-xogħol. L-impatt li dan kellu fuq l-ekonomija kien wieħed notevoli ħafna tant li din ċkienet bi kważi 7%.

Kritika ħarxa

Diversi ġurnali prominenti tal-Afrika t’Isfel kienu mimlija bi kritika ħarxa għad-deċiżjonijiet li ħadu diversi pajjiżi fil-konfront tal-Afrika t’Isfel. Kien hemm minnhom li qalu li ma setgħux jifhmu kif minkejja li ġewwa l-Ewropa kważi l-pajjiżi kollha qegħdin ikollhom mases kbar ta’ nies jaraw logħbiet tal-futbol u sport ieħor ġewwa grawnds kbar, dawn qegħdin jibżgħu daqshekk mill-Afrika t’Isfel. Barra minn dan l-argument, xi wħud minn dawn il-ġurnali qegħdin ġustament jgħidu li ħadd mhu ċert li l-Omicron oriġina ġewwa l-Afrika t’Isfel minkejja li ġie misjub hemm. Fil-fatt, huma innutaw li dan l-varjant diġà jinsab ġewwa diversi pajjiżi tal-punent minkejja l-iżolament tal-Afrika t’Isfel.

Skont l-istess xjentisti li sabu l-Omicron, dan l-iżolament jaf ikollu riperkussjonijiet fuq ir-riċerka li qiegħda ssir fuq dan il-varjant fost il-komunità xjentika dinjija minħabba li jista’ jxekkel il-konsenji ta’ ċertu kimiċi li jintużaw fir-riċerka fuq viruses ta’ din ix-xorta.

Il-poplu jipprepara bil-mod kif jaf hu

Matul il-lockdowns preċedenti li ġew imposti fuq il-poplu tal-Afrika t’Isfel matul dawn is-sentejn ta’ pandemija, il-gvern kien ħa d-deċiżjoni kemmxejn stramba li jwaqqaf kompletament il-bejgħ tal-alkoħol ġewwa l-pajjiż. Ir-raġuni li ngħatat kienet dik li l-gvern ried jassigura li ma jkunx hemm sodod meħuda minn pazjenti li jkollhom bżonn jiġu rikoverati ġewwa l-isptarijiet minħabba problemi relati direttament jew indirettament mal-konsum eċċessiv tal-alkoħol. Dan sabiex dawn is-sodod ikunu jistgħu jintużaw minn pazjenti infettati bil-Covid-19. 

Dan wassal sabiex malli l-midja ħabbret l-iżolament tal-pajjiż, kjuwijiet twal ta’ nies bdew jiffurmaw barra l-ħwienet li jbigħu dan it-tip ta’ xorb. 

Minkejja l-kritika tal-gvern ta’ Ramaposa għall-izolament li ġie impost fuq l-Afrika t’Isfel, wieħed jifhem li minħabba l-pressjoni li għandhom fuqhom il-gvernijiet ta’ ħafna pajjiżi sabiex ma jkunx ripetut dak li ġara fil-bidu tal-pandemija meta ħafna mexxejja kienu ġew kritikati li ma ħadux passi sabiex jiżolaw liċ-ċittadini tagħhom minn nies li jkunu ġejjin minn pajjiż fejn ikun hemm il-virus, huma ma setgħux jagħmlu mod ieħor ħlief li jiżolaw ruħhom mill-Afrika t’Isfel.

Però, sabiex jiġi assigurat li fil-futur pajjiżi oħra li jsibu xi varjant ġdid tal-Covid-19 jew xi virus ġdid ma jkunux imnaffra milli jinfurmaw lil kulħadd bih mill-ewwel, il-pajjiżi li imponew dan l-iżolament fuq l-Afrika t’isfel għandhom isegwu b’mod regolari s-sitwazzjoni u jneħħu dan l-iżolament mal-ewwel ċans li jkollhom. Fuq kollox, għandu jiġi kkunsidrat li pajjiżi sinjuri jgħinu finanzjarjament lil dan il-pajjiż ħalli jiġi ppremjat għall-mod altruwist li mexa bih fuq il-kwistjoni tal-Omicron.

Ekonomija

Sport