Thursday, April 25, 2024

L-agħar ġimgħa tal-Covid19

Aqra wkoll

L-aħħar 111 każ ġdid, li huwa rekord għal jum wieħed, itellgħu l-medja f’sebat ijiem għal 97 kuljum

Il-111-il każ ġdid ta’ Covid19 imħabbra lbieraħ mhux biss kien ifisser l-ogħla numru qatt reġistrat f’jum wieħed mindu l-pandemija feġġet f’pajjiżna imma wkoll l-agħar ġimgħa bl-aħħar sebat ijiem jaraw medja ta’ 97 kuljum.

Qabel dawn il-111-il każ l-ikbar numru ta’ każijiet imħabbra f’jum wieħed kien reġistrat fis-16 ta’ Settembru li għadda meta dakinhar feġġew 106 każijiet ġodda.

L-istatistika turi li fl-aħħar sebat kellna 64 każ ġdid l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet, 75 il-Ħamis u 75 oħra l-Ġimgħa, 100 is-Sibt, 95 il-Ħadd, 68 it-Tnejn u 93 it-Tlieta.

Il-111 każ tellgħu t-total ta’ dawk li laqqtu l-virus mindu nstab f’Malta għal 4,048 li minnhom fiequ 3,064, fosthom 52 mill-aħħar bulettin, u 44 mietu biex issa n-numru ta’ persuni pożittivi huwa ta’ 940.

In-numru ta’ ‘swab tests’ li saru bejn it-Tlieta u l-Erbgħa ammontaw għal 2,761 li tellgħu t-total ta’ testijiet li saru s’issa mill-awtoritajiet tas-saħħa għal 287,113.

Mit-93 każ ġdid imħabbra t-Tlieta 30 każ kien ta’ membri tal-familja ta’ persuni li kienu diġà nstabu pożittivi segwiti minn sitt każijiet ta’ kollegi fuq ix-xogħol u każ ieħor fejn il-persuna ħadet il-virus minn Paceville.

Malli l-awtoritajiet tas-saħħa tellgħu dawn iċ-ċifri fuq il-profil Saħħa fuq Facebook kienu għexieren dawk esprimew id-dispjaċir li ħafna mhux qed jirrispettaw il-miżuri u appellaw għal infurzar iktar b’saħħtu.

Sport