Thursday, April 18, 2024

L-aħħar tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran fil-korsa ta’ Siracusa

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa fil-korsa del Mediterraneo Siracusa mistennija ssir l-aħħar tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Is-sewwieq magħżul sabiex jirrappreżenta lil pajjiżna huwa Nathaniel Barbara li se jkun qed jilbes il-ġakketta ħamra ta’ Malta għall-ewwel darba.

It-tiġrija tibda fit-3:05 pm u għalkemm fiha hemm tmint iżwiemel però huma biss erbgħa li ħa jkunu qed jikkompetu fil-kampjonat. Nathaniel se jitlaq bin-numru 3 Boss FKS u l-kompetituri l-oħra huma s-Serb Milan Kovacevic, ir-Rumen Gheorge Tanase u t-Taljan Walter D’Ambrogio. Jidher li nieqes hemm ġerrej Franċiż.

F’din it-tappa l-punti jkunu doppji għalhekk il-klassifika finali għadha mhiex waħda definittiva. Malta bħalissa tinsab fir-raba’ post bi 17-il punt meta l-Italja tinsab l-ewwel b’24, ir-Rumanija punt inqas 23, Franza 19 u s-Serbja 13-il punt. Infakkru li r-rappreżentanti Maltin fit-tapep preċedenti kienu Paul Galea u Noel Baldacchino.

Fl-istess programm għall-ewwel darba ser issir tiġrija li qed tissejjaħ Premio Campionato delle Isole fejn fiha tliet sidien Maltin ħa jipparteċipaw biż-żwiemel tagħhom.

F’din it-tiġrija li se titlaq fl-4:30 pm Zenny Cup propjetà ta’ Francois Zammit se titlaq bin-numru 4 u tkun misjuqa minn Anthony Demanuele, Equateur Mauzun bin-numru 8 jkun misjuq minn sidu stess Ivan Stivala filwaqt li El Gusto propjetà ta’ Andrè Farrugia jitlaq bin-numru 10 u jkun misjuq minn bintu Cherise. F’din it-tiġrija hemm 10 parteċipanti u hija fuq distanza ta’ 1600m.

Ekonomija

Sport