Sunday, November 24, 2024

L-aħħar truppi Amerikani jitilqu u t-Taliban jiċċelebraw

It-Taliban qed jikkontrollaw iktar territorju minn dak li kellhom qabel l-2001

Aqra wkoll

Sparar ta’ ċelebrazzjoni dewa madwar Kabul fl-aħħar sigħat hekk kif il-ġellieda tat-Taliban ħadu kontroll tal-ajruport ta’ Kabul wara li l-aħħar truppi tal-Istati Uniti tal-Amerika telqu mill-Afganistan. Dan ġab fi tmiemha gwerra ta’ 20 sena li tista’ tgħid li ħalliet lill-milizzja Iżlamika iktar b’saħħitha minn dik li kienet fl-2001.

Filmati li xxandru fuq l-internet kienu juru lit-Talibani jidħlu fl-ajruport wara li l-aħħar suldati Amerikani telqu abbord ajruplan tal-għamla C-17. It-tluq tal-forzi Amerikani seħħ wara jiem ta’ ħidma intensiva biex jiġu evakwati alleati ta’ Washington u n-Nato.

Zabihullah Mujahid, li huwa l-kelliemi għat-Taliban, f’konferenza tal-aħbarijiet li ta fl-ajruport wara t-tluq tat-truppi Amerikani qal li, “dan huwa jum storiku, mument storiku… aħna kburin b’mumenti bħal dawn, li lliberajna lil pajjiżna minn qawwa kbira.” Ritratt ippubblikat mill-Pentagon, li ttieħed permezz ta’ night-vision optics, kien juri l-aħħar suldat Amerikan li tela’ abbord l-aħħar titjira ta’ evakwazzjoni minn Kabul. Dan kien Major General Chris Donahue, kmandant tal-82nd Airborne Division. 

Din l-itwal gwerra għall-Istati Uniti ħadet il-ħajja ta’ kważi 2,500 suldat Amerikan u madwar 240,000 Afgan. Din swiet lill-Istati Uniti $2 triljun. Minkejja li f’din il-missjoni l-Istati Uniti kien irnexxielha tneħħi lit-Taliban mill-poter u waqqfet lill-Afganistan milli jkun il-bażi tal-Al Qaeda, din xorta waħda spiċċat bil-militanti Iżlamiċi fil-kontroll tal-pajjiż, anzi issa spiċċaw qed jikkontrollaw iktar territorju minn dak li kellhom qabel l-2001.

Sport