Wednesday, October 9, 2024

L-Air Malta dejjem qdiet lil pajjiżna

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni, Sandro Vella

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar 50 sena, l-Air Malta kienet kruċjali fejn qdiet lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm b’mod dirett u anke indirett. Kienet importanti wkoll biex Malta jkollha konnettività ma’ bosta pajjiżi oħra, kemm mill-aspett ta’ ġarr ta’ passiġġieri u anke ta’ merkanzija.

L-Air Malta offriet ukoll għajxien lil mijiet ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom. F’kumment li ta lil Talk.mt, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella rrefera għall-kontribut li tat il-linja nazzjonali tal-ajru f’oqsma oħra bħalma huma l-kultura, l-isports u attivitajiet oħra li għeniethom finanzjarjament.

Is-Segretarju Vella fakkar ukoll li l-Air Malta kienet strumentali għall-industrija tat-turiżmu li saħansitra ġarret passiġġieri lejn Malta anke b’telf finanzjarju u qdiet dmirijiet oħra li linji tal-ajru lanqas biss jikkunsidrawhom fosthom il-ġarr tal-merkanzija.

Huwa fakkar li sena ilu, il-kumpanija ddeċidiet li tnaqqas il-ħaddiema drastikament f’eżerċizzju biex tnaqqas l-ispejjeż, fejn ‘il fuq minn 400 ħaddiem ġew mogħtija pakkett finanzjarju jew inkella impjieg alternattiv.

Dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida, li se tibda topera f’Marzu li ġej, is-Segretarju Vella qal li l-unjin tinsab lesta li tibda negozjati li jwasslu għall-ftehim kollettiv għall-impjegati prospettivi.

Filwaqt li esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida mhux se tagħmel l-iżbalji tal-imgħoddi, huwa wera t-tama li din tkompli taqda l-ħtiġijiet tal-poplu kif wara kollox għamlet l-Air Malta u kif ukoll li maż-żmien tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema.

Sport