Saturday, December 21, 2024

L-Air Malta se terġa’ tibda s-servizzi lejn l-ajruporti ta’ Gatwick Londra, Madrid u Moska fis-sajf tal-2022

Aqra wkoll

L-Air Malta għandha l-pjaċir tħabbar l-intenzjoni tagħha li terġa’ tibda titjiriet bejn il-Gżejjer u l-ajruporti ta’ Gatwick Londra, Madrid u Sheremyevo Moska għas-sajf tal-2022.

Il-linja tal-ajru ser topera servizz ta’ kuljum lejn l-ajruport ta’ Gatwick Londra filwaqt li Madrid u Moska se jiġu moqdija tliet darbiet fil-ġimgħa u darbtejn fil-ġimgħa rispettivament.

Dawn is-servizzi l-ġodda se jibdew mis-27 ta’ Marzu 2022 u huma parti minn total ta’ aktar minn 250 titjira fil-ġimgħa lejn 20 destinazzjoni li jinkludu wkoll 15-il servizz fil-ġimgħa lejn Heathrow Londra li l-Air Malta se topera lejhom fis-sajf tal-2022.

“Qed naħdmu bis-sħiħ fuq skeda ta’ titjiriet ambizzjuża li turi l-konvinzjoni tagħna li l-ivvjaġġar u t-turiżmu se jirpiljaw is-sena d-dieħla. Il-pjanijiet tagħna huma li nirduppjaw b’mod effettiv il-kapaċità tagħna li se nħaddmu matul il-perjodu li ġej tax-xitwa. Dan huwa impenn qawwi mill-Air Malta lejn il-pubbliku li jħobb jivvjaġġa u l-industrija. L-enfasi tagħna se tibqa’ fuq is-swieq Ewropej ewlenin tagħna”, ikkummenta iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta, David G Curmi.

Roy Kinnear, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta żied, “Bdejna naraw sinjali ta’ rkupru madwar is-swieq Ewropej tagħna, ovvjament b’xi reġjuni li rrispondew aktar malajr minn oħrajn. Ninsabu kuntenti li qed inħabbru l-intenzjoni tagħna li nkomplu s-servizzi lejn Gatwick Londra, Madrid u Moska, tliet rotot li sfortunatament kellna nissospenduhom b’mod temporanju s-sena l-oħra.”

Żied jgħid: “Matul dawn l-aħħar xhur, ħdimna qatigħ biex nistabbilixxu strateġija aktar b’saħħitha għall-bejgħ u d-distribuzzjoni, iffirmajna ftehimiet ma’ rappreżentanti ewlenin tal-bejgħ f’diversi swieq u tajna dehra ġdida lill-website u l-booking engine tagħna. Jien ottimist li dawn il-bidliet, flimkien ma’ domanda qawwija għall-ivvjaġġar is-sena d-dieħla, se jsostnuna biex ikollna sena mill-aqwa fl-2022.”

Il-linja tal-ajru se tkompli l-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi ma’ Aeroflot, airBaltic, Air France, Austrian Airlines, Brussels Airlines, Czech Airlines, Emirates, Etihad, KLM, Lufthansa, Qatar Airways, Swiss International Air Lines u Turkish Airlines li se jtejbu l-kapaċitajiet tan-network tagħha.

Għal aktar informazzjoni żur airmalta.com, ċempel lill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fuq +356 21662211, jew żur l-Uffiċċju tal-Bejgħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-aġent tal-ivvjaġġar ippreferut tiegħek.

Ekonomija

Sport