Tuesday, May 14, 2024

“L-akbar sustanza li għandek biex tiftaħar biha hija l-akbar telfa f’elezzjoni ġenerali”

- Byron Camilleri

Aqra wkoll

Waqt li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri kien qed jagħmel il-winding up tad-dibattitu parlamentari dwar il-vjolenza domestika, inqala’ battibekk bejnu u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Ministru Camilleri beda biex innota li l-Oppożizzjoni qed tkompli tfakkar lin-nies li f’dibattitu daqstant importanti għażlet li tabbanduna l-Parlament u t-Tlieta li għadda “ġiet taqa’ u tqum x’jiġri mid-dibattitu.”

“Ma kontx beħsiebni nsemmiha. Imma kellu jkun l-Onor. Robert Cutajar li jfakkar lil kulħadd x’għamlet ilbieraħ l-Oppożizzjoni,” qal il-Ministru Camilleri. Huwa qal li “jien smajt lil kulħadd jitkellem hawn ġew… u issa għax qed nagħmlu dan il-winding up dwar dibattitu daqshekk importanti, jiġu tal-Oppożizzjoni jwaqqgħu l-istess dibattitu u jipprovaw itellfu. Dan il-mod mhux aġir responsabbli…”

Kien hawn li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sejjaħ għal point of order dwar dak li kien għadu kemm allega l-Ministru Camilleri. L-Onor Grech qal li “l-Ministru qed jakkuża lill-Oppożizzjoni li aħna qed nirredikolaw dan id-dibattitu. Ilu 7 minuti jitkellem u għadu ma qal xejn ta’ sustanza dwar il-vjolenza domestika.”

Min-naħa tiegħu l-Ministru Camilleri rrisponda li “l-Kap tal-Oppożizzjoni ma nafx kemm ilu kap, u l-akbar sustanza li għandu biex jiftaħar biha hi l-akbar telfa f’elezzjoni ġenerali u l-inkwiet intern fil-Partit Nazzjonalista.” Waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jirrispondih, il-Ministru Camilleri qallu “kemm inti politiku cheap!”

L-Ispeaker Anglu Farrugia talab lill-Ministru Camilleri beix jirtira dak li kien għadu kemm qal li min-naħa tiegħu ma sabx oġġezzjoni li jagħmel dan. Hu qal li kien qed jitkellem għal politiku u mhux għal persuna.

Sport