Tuesday, December 24, 2024

L-AMBJENT

Aqra wkoll

Is-sħana
Jekk m’għamlet xejn, is-sħana żgur li telgħetilna għal rasna. Dan kompla jiħrax meta beda jinqata’ d-dawl u ħafna nies kellhom iqattgħu dawk il-ħinijiet mingħajr elettriku fi sħana qawwija. Illum it-temperatura niżlet u l-qtugħ tal-elettriku naqas. Żgur li, bħas-soltu, ħafna nies jinsew minn x’hiex għaddew u ser ikomplu jgħixu bħas-soltu. Din mhux tiġri Malta biss imma tista’ tgħid kullimkien.

Il-problema tal-ambjent mhix xi ħaġa li n-nies iridu jdawru wiċċhom biex ma jħarsux lejha, għaliex ser tolqot lil kulħadd speċjalment lilna tal-Meditterran. Lilna ser tolqotna primarjament fi tliet setturi – is-sħana, ix-xita u l-baħar. Biss din il-problema mhix xi waħda li ser nidrawha. Ir-raġuni hi li din il-problema ser tiħrax sew fl-qawwa tagħha u ser tkun aktar ta’ spiss u fuq kollox ser thedded ħajjitna.

Aktar ma tiħrax u aktar ma tkun ta’ spiss aktar ser ikollha effetti fuq affarijiet oħra. Waħda minnhom ser tkun is-saħħa. Diġa’ rajna li, minkejja li kien hemm ħafna avviżi biex in-nies jaħarbu mix-xemx, l-Emerġenza ta’ Mater Dei kienet mimlija nies u kellhom jitħassru numru ta’ operazzjonijiet. Hu kkalkolat li s-sajf l-ieħor, fl-Ewropa, mietu mas-16,000 persuna minħabba s-sħana iżda, f’Malta, milli jidher ma tantx mietu nies minħabba s-sħana- iżda dan ma jfissirx li mhux ser jiżdied.

Dan hu biss wieħed mis-setturi li ser jolqotna serjament. Imma hemm ħafna setturi oħra li ser jintlaqtu. Diġa’ rajna li, meta kellna dik is-sħana, il-produzzjoni tal-ħalib naqset u, meta ser jerġa’ jkollna dik is-sħana, se terġa’ tonqos b’ammont akbar. Il-ħalib mhux l-uniku prodott li ser jintalqat għaliex, aktar mas-sitwazzjoni tal-ambjent ser tmur lura, żgur li settur li ser jintlaqat mal-ewwel ser ikun dak tal-prodotti agrikoli.

Ir-raġuni hi li hemm probabilta’ kbira li l-kriżi fl-ambjent ser tiżdied. Tajjeb li ngħidu li l-ambjent mhux sejjer lura biss imma, kull darba, ser ikun aktar perikoluż. Waħda mir-raġunijiet hi li ftit nies qed jirrealizzaw li l-ambjent mhux sejjer lura waħdu, imma minħabba l-ħajja li aħna l-bnedmin qed ngħixu.

Sfortunatament, ftit nies jirrealizzaw dan u, anki dawk li jirrealizzaw li aħna rridu nibdlu ħajjitna biex insalvaw l-ambjent u ħajjitna stess, iridu jifhmu li kulħadd, inkluż huma, iridu jibdlu l-mod kif jgħixu. Tajjeb li nfakkru li hemm rapporti li jindikaw li jekk l-affarijiet ser jibqgħu sejrin kif inhuma, Malta ser ikun wieħed mill-postijiet l-aktar li jintlaqat u, hemm min jgħid, li mhux ser jibqa’ post tajjeb fejn jgħixu n-nies.

Kif ktibt aktar ‘l fuq, illum li naqset is-sħana, bħas-soltu, ħafna min-nies kważi insew minn xhiex għaddejna. Dan jiġri bħal kull meta tiġri xi ħaġa kbira.

Biex intejbu l-ambjent hemm żewġ fatturi li huma importanti – l-azzjonijiet tal-gvern u l-azzjonijiet tal-poplu. Ħafna min-nies jemmnu li r-responsabbilta’ hi tal-gvern biss u mhux tagħhom. Dan narawh mit-traffiku. Ħafna mill-Maltin, anki dawk li huma inkwetati fuq l-ambjent, fil-ħajja jinsewh l-ambjent u jmorru x-xogħol bil-karozza tagħhom u mhux bil-karozzi tal-linja.

l-ewwel inħarsu lejn il-Gvern. Waħda mill-affarijiet ġodda li kien hemm din is-sena kien li, għalkemm l-ewwel kriżi għaddiet, il-Gvern għall-ewwel darba għadu xorta jħares lejn din il-kriżi u qed jieħu passi. Din hi bidla importanti. Għalkemm il-Gvern semma xi passi biex, meta s-sħana ser terġa’ tgħolha, inaqqas il-qtugħ tal-elettriku, hemm bżonn li li jibda jieħu passi oħra.

Insemmi xi ftit. Nafu li fattur li qed iħammeġ ħafna l-ambjent hu d-diesel u l-petrol. Hu importanti li l-Gvern jiddeċiedi meta ser inkunu lesti li ma naċċettawx aktar karozzi ta’ dan it-tip f’Malta. Ħafna mill-pajjiżi oħra diġa’ ħadu din id-deċiżjoni u hemm bżonn li aħna din id-deċiżjoni niħduha malajr.

Insemmi l-kriżi li kellna fis-sistema tal-elettriku. Hu tajjeb li l-gvern ser jinvesti ħafna aktar biex ikollna s-sistema ta’ distribuzzjoni aħjar. Imma fl-istess ħin nistenna wkoll li dawk il-cables li ser jitwaħħlu taħt l-art jitpoġġew aħjar. Jien ċert li, jekk il-periti tat-toroq jiltaqgħu mal-inġiniera, żgur li jsibu mezz biex jipproteġu aħjar il-cables tal-elettriku biex ikollna anqas ħsarat. Ħaġa oħra li l-periti tat-toroq għandhom jieħdu ħsieb hi li dawn il-cables jittpoġġew fil-ġemb tat-toroq f’sistema li, meta jkun hemm ħsara f’xi cable, ma jkunx hemm ħsarat kbar fit-toroq li ħafna minnhom inkunu għadna kemm irranġajnihom.

Qasam ieħor li jridu jieħdu ħsieb il-periti tat-toroq hu x-xita. Diġa’ rajna, fil-passat qarib, li x-xita inbiddlet. Fejn qabel kienet, kull darba li tagħmel, tkun aktar ta’ spiss u anqas qawwija, dan l-aħħar, u din wkoll ser tiżdied, qed ikollna anqas okkażzjonijiet ta’ xita imma mbagħad xita aktar qawwija. Irridu mil-lum li l-periti tat-toroq, meta jippjanaw triq, jaraw li t-triq mhux ser tghereq meta jkollna x-xita qawwija. Barra l-ħsarat li ġġib, jekk nieħdu ħsieb it-toroq, insalvaw aktar ilma – xi ħaġa li Malta minn dejjem kienet nieqsa minnha.

Illum semmejt xi affarijiet li jridu jsiru min-naħa tal-Gvern – affarijiet li nħoss li jridu jittieħdu azzjonijiet fuqhom malajr. Biss, jagħmel x’jagħmel il-Gvern, żgur mhux se itejjeb l-ambjent jekk aħna ċ-ċittadini ser nibqgħu plaċiti u ma nagħtux is-sehem tagħna wkoll. Fuq dan nikteb l-opinjonijiet tiegħi darba oħra.

Qabel ma ngħalaq insellem lill-ħabib Raymond Mahoney li konna qattajna numru ta’ snin flimkien meta konna l-iskola sekondarja. Kien bniedem ġentili, inteliġenti u umli, bħal ma kien missieru li kien għalliem wkoll fl-istess skola. Kienet telfa’ kbira mhux biss għal min kien jafu, imma wkoll għal Malta.

Ekonomija

Sport