Friday, December 20, 2024

L-AMBJENT PRIJORITÀ B’AKTAR INVESTIMENT

Aqra wkoll

L-ambjent naturali ta’ pajjiżna qed ikompli jkun prijorità. Dan wassal lill-Gvern biex jieħu miżuri mhux biss ta’ protezzjoni imma wkoll li jkabbar il-kultura tal-poplu favur l-ambjent billi jkun ta’ eżempju huwa stess.

L-aħħar eżempju kien dak ta’ Wied Inċita li ġie mibdul fi spazju aħdar ta’ 20,000 metru kwadru fiċ-ċentru ta’ pajjiżna, li issa huwa miftuħ għat-tgawdija tal-pubbliku wara xhur ta’ ħidma minn Ambjent Malta biex il-post jiġi restawrat kif kien jixraq.

Fi kliem il-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli, f’Ottubru ta’ din is-sena stess, il-Gvern kien ta l-kelma li jagħtu lin-nies mal-40,000 metru kwadru ta’ spazji ġodda sal-aħħar ta’ din is-sena. Wegħda oħra li żgur u mhux forsi, inżammet. 

Minbarra Wied Inċita, insemmu wkoll Ġnien Spencer, Ġnien Hospice, Ġnien l-Indipendenza u l-ġonna f’Villa Portelli. Dawn huma lkoll spazji ħodor għat-tgawdija tan-nies, spazji li sas-sena d-dieħla huma mistennija li jiżdiedu sabiex tassew il-pubbliku jkollu ġnien jew spazju aħdar viċin tiegħu.

Il-Gvern qed joħloq spazji ġodda u jirriġenera oħrajn eżistenti, filwaqt li qed iħares lejn iż-żamma tagħhom fit-tul. B’sistemi moderni t’irrigazzjoni, materjali sostenibbli u l-investiment fil-manutenzjoni, dawn huma proġetti li qed jitwettqu biex jitgawdew minn kulħadd.

Jekk hemm xi ħaġa li ħadd ma jista jikkritikha żgur li huma l-proġetti ambjentali li qegħdin ibiddlu wiċċ pajjiżna. Spazji ġodda li qed jagħtu ħajja ta’ kwalità aħjar. Fuq kollox nistgħu ngħidu li l-Gvern għandu mhux biss il-finanzi imma wkoll id-determinazzjoni u l-kredibilità li jwettaq dawn il-proġetti u jġib bidla pożittiva għal Maltin u l-Għawdxin kollha.

Nittamaw li l-inċentivi u l-proġetti li qiegħed joffri l-Gvern u dawk li għad irid joffri jkunu effettivi u jilħqu l-iskop tagħhom. Altrimenti, ma jkunu jwasslu mkien jekk ma jkunx hemm il-koperazzjoni wkoll tal-pubbliku.

Għalhekk, jekk aħna lkoll bħala poplu naħdmu flimkien fil-qasam ambjentali, pajjiżna mhux biss jilħaq l-obbligi Ewropej tiegħu imma wkoll aħna ċ-ċittadini ngħixu ħajja aħjar fil-ġejjieni.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport